“Il-Mulej ħanin u twajjeb, u bil-mod biex jagħdab u ta’ tjieba kbira. Mhux dejjem jitlewwem magħna, u lanqas jitgħaddab għal dejjem. Ma mexiex magħna skont dnubietna, u lanqas ħallasna skont ħżunitna. Għax daqskemm is-smewwiet huma ’l fuq mill-art, daqshekk hi kbira t-tjieba tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu” (Salmi 103:8-11). Din hi dikjarazzjoni meraviljuża, u nistgħu nifhmuha; imissha timlina b’rikonoxximent. Kif jista’ jkun, Alla jibqa’ lura milli jroddilna skont dnubietna? Għas-sempliċi raġuni li lil Ibnu raddlu skont dnubietna. “Lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21). It-toqol tal-ħtija għaffiġna, u s-sentenza tal-mewt kienet imdendla fuqna; iżda t-toqol għaddieh għal fuq Ibnu, u bata l-konsegwenzi hu għan-nom tagħna. Is-sentenza tal-mewt, indirizzata lilna, kienet esegwita fuqu. Alla darbu fl-għadab feroċi tiegħu, għax l-għadab li kien fuq rasna tefgħu fuq ir-ras qaddisa t’Ibnu. “Il-kastig, li...