Skip to main content

Fidi Fl-Evanġelju

“Permezz tiegħu intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja, biex hekk il-fidi u t-tama tagħkom huma f’Alla. Billi saffejtu erwieħkom bl-ubbidjenza għall-verità biex hekk taslu għall-imħabba fraterna u sinċiera, mill-qalb ħobbu ’l xulxin ferventement. Għax intom imwielda mill-ġdid, mhux minn żerriegħa korruttibbli iżda inkorruttibbli, ċoè, permezz tal-kelma ħajja t’Alla u li tibqa’. Għax, ‘Il-bnedmin kollha bħall-ħaxix, u l-glorja kollha tagħhom bħal fjura tal-ħaxix. Il-ħaxix jinxef u l-fjura taqa’, imma kelmet is-Sid tibqa’ għal dejjem.’ U din hi l-kelma pritkata lilkom” (1 Pietru 1:21-25).

Kull tagħlim uman, kif ukoll kull ħlejqa umana, għad tgħaddi u tinxef bħall-ħaxix tal-bur. Bl-iprem filosofija tiegħu l-bniedem juri biss bluhatu u l-fatt illi kkommetta apostasija mill-Ħallieq tiegħu. Jinsab f’dilemma: ma jgħaddix mingħajr Alla iżda minħabba dnubu ma jissaportix lil Alla veru, fil-qdusija u l-ġustizzja assoluta tiegħu. Jivvinta għalih innifsu mogħdijiet oħra, reliġjonjiet biex mingħalih jissodisfa lilu nnifsu, iżda jispiċċa biex jgħarraq is-sitwazzjoni iżjed u iżjed. 

Qabel jirritorna lejn il-Ħallieq m’hemmx tama għalih. Iżda hawnhekk aħna assigurati li kelmet il-Mulej hi ta’ karattru differenti, għax tibqa’ għal dejjem. Fil-verità tiegħu nsibu l-libertà u s-serħan ġenwin. Hawnhekk nitpaxxew b’evanġelju divin. Liema kelma tista’ tibqa’ għal dejjem ħlief dik mitkellma minn Alla etern?

Jerġa’, hawnhekk għandna evanġelju li jibqa’ ħaj, relevanti, adegwat f’kull sens, mimli vitalità, bħal meta ħareġ l-ewwel darba minn xofftejn il-Mulej. Għadu qawwi biex jikkonvinċi u jikkonverti, jirriġenera u jikkonsla, imantni u jqaddes, bħal meta beda jkun imniedi fiż-żminijiet bikrija, u operattiv fil-qlub tan-nies li laqgħuh. 

Iva, ħaddanna evanġelju li ma jinbidilx. Mhux bħall-ħaxix, li llum hu aħdar, u għada isfar bħat-tiben. Jibqa’ għal dejjem għax il-verità ta’ Jaħwe hi immutabbli; ma tinbidilx bħall-moda. L-opinjonijiet tagħna jvarjaw u jinbidlu bħal wiċċ is-sema, iżda l-verità ċċertifikata minn Alla ma tistax tinbidel bħalma Alla li esprimieha ma jistax jinbidel. F’das-sens l-evanġelju hu dejjem frisk.

Hawnhekk, mela, hu preżentat lilna evanġelju li nistgħu nifirħu fih. Hu kelma stabbli mingħand il-Mulej li fuqha nistgħu nserrħu l-piż kollu tagħna. “Għal dejjem” tinkludi l-ħajja, il-mewt, il-ġudizzju u l-eternità. Glorja lil Alla fi Kristu Ġesù għall-konsolazzjoni eterna tiegħu. Itma’ lil ruħek bil-Kelma llum, u l-bqija ta’ ħajtek kollha. Tittraskuraha qatt!

Talba: “Mulej Ġesù, għand min immorru jekk mhux għandek? Aħna nagħrfuk bħala l-komunikazzjoni suprema tal-Missier magħna. Dment li naraw lilek naraw lill-Missier. Nitolbuk sabiex aħna u nirriflettu fuq l-Iskrittura tagħtina tagħrif isħaħ tiegħek innifsek, sabiex nirrispondu b’imħabba devota u b’ubbidjenza grata. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...