Skip to main content

Posts

Showing posts from October, 2017

Il-Kisbiet tar-Riforma Protestanta

Il-poplu t’Alla matul il-ġenerazzjonijiet għandu ħabta jorqod jew jiżvijja, frattant l-Ispirtu s-Santu kapaċi jġeddu u jitfa’ nifs ta’ ħajja ġdida. Dan ġara mqar mill-antik fi żmien is-saltna ta’ Ħeżekija u Ġosija. It-tali riformi jmissna nagħrfuhom bħala sinjal tal-ħniena t’Alla, li ma jitlaqx lil niesu. Li ġara fis-seklu sittax, fi żmien Luteru, kien proprju riforma oħra, però did-darba fuq skala massiva. Ħasra illi flok ma nagħrfu dan il-moviment bħalma tabilħaqq hu, ħidma tal-Ispirtu s-Santu, nittimbrawh bħala xiżma jew firda. Tabilħaqq, il-firda li ġrat f’nofs is-seklu 11, bejn il-Lvant u l-Punent, kienet waħda patetika, motivata mill-għira u pika bejn il-Griegi u l-Latini, mingħajr raġuni valida. Ir-Riforma Protestanta hemm elf raġuni għala seħħet, iżda prinċipalment ġrat għaliex Alla għoġbu jqajjem nies, fidili lejn l-Iskritturi Mqaddsa, illi xandruha fil-qawwa u s-safa tagħha, u fl-istess ħin protestaw kontra l-abbużi morali, iżda speċjalment dottrinali, tal-Knisja Ruman

Qorob it-Tmiem

“Qorob it-tmiem ta’ kollox. Mela kunu sensibbli u sobriji għat-talb. Fuq kollox, araw li jkollkom imħabba ferventi għal xulxin, għax l-imħabba tgħatti multitudni ta’ dnubiet. Kunu ospitali lejn xulxin mingħajr tgemgim. Bħalma kull wieħed irċieva xi don speċjali, araw li tħaddmuh ħalli sservu ’l xulxin bħala dispensieri tajbin tal-grazzja varjata t’Alla” (1 Pietru 4:7-10).  Il-kelma tal-grazzja u l-verità, bħal tabib għaqli, tippreskrivi speċijiet differenti ta’ riċetti għar-ruħ. Kultant hi xarba qarsa ta’ afflizzjoni, u drabi oħra balzmu ta’ fidi li jsaħħaħ u jikkonforta, bit-taħlita restawrattiva tal-imħabba. Iżda f’kull żmien neħtieġu dixxiplina. Biha niggvernaw u naħkmu ħajjitna, biex hekk ir-ruħ ikollha r-risq u tkun b’saħħitha.  Hu l-obbligu tagħna illi nużaw il-mezzi tal-grazzja, speċjalment it-talb u l-qari meditattiv tal-Iskrittura. Meta nittraskurawhom inkunu qed inwarrbu lil min ippreskriviehom. Insofru telfa u nġarrbu ħsara għar-ruħ. Bħalma l-fidi torbot ir-ruħ

Dur, u Tgħix

“Qalilhom, ‘Dan hu kliemi li għidtilkom meta kont għadni magħkom, illi kien jeħtieġ jitwettaq kulma hu miktub dwari fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u s-Salmi.’ Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskritturi. ‘Hekk hu miktub,’ qalilhom, ‘li l-Messija kellu jbati u jerġa’ jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tkun pritkata f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ’” (Luqa 24:44-48). Dan hu l-metodu t’Alla biex isalva l-midinbin b’Ibnu Ġesù. Kull min jaf kemm hu prezzjuż Ġesù, u għandu stima għolja tal-glorja t’Alla, u mħabba sinċiera għal erwieħ immortali, jieħu ħsieb illi fl-evanġeliżmu tiegħu jaċċentwa l-indiema. Bl-indiema nduru lejn il-Mulej, sogħbiena għal ħtijietna, iżda konfidenti illi mingħandu se nsibu ħniena. L-indiema tmur id f’id mal-fidi. Il-fidi hi niedma, u l-indiema hi fiduċjuża.  L-indiema evanġelika tnixxi minn għajn li issa saret tara, widna li issa saret tisma’, u qalb li issa tifhem

Alla Donatur, Jien Riċevitur

“Għallimnni, o Mulej, it-triq tal-istatuti tiegħek, u jien nibqa’ fiha sal-aħħar. Agħtini d-dehen u jien inħares il-liġi tiegħek; iva, jien inħarisha b’qalbi kollha. Mexxini fil-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi. Mejjilli ’l qalbi lejn ix-xhidiet tiegħek, u mhux lejn ir-regħba. Tħallix għajnejja jħarsu lejn il-frugħa, u fit-triqat tiegħek agħtini l-ħajja. Żomm kelmtek mal-qaddej tiegħek, dak li jibża’ minnek” (Salmi 119: 33-38).  X’hena din meta d-dixxiplu jkun kapaċi, fis-sempliċità u s-sinċerità skont it-tjieba, jappella, “Int sejjaħtli, o Alla!” Jaħwe, il-Jien Hu, l-Oriġinatur ta’ kulma jeżisti, li jiggverna fuq l-armati tal-anġli u fuq l-eżerċtu tas-smewwiet, jitbaxxa biex jgħarrfrilna lil ismu. Jittratta magħna bi grazzja, bla ma jimxi magħna skont ħtijietna. Jurina s-salvazzjoni tiegħu f’Ibnu u jagħmilna tempji fejn jgħammar l-Ispirtu Qaddis tiegħu! Min huma r-riċevituri ta’ mħabbtu? Midinbin u għedewwa tiegħu! Ħlejjaq illi sabhom ribellu

L-Għammiel u Jien

“Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ. Aktarx ibżgħu aktarx minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem fl-infern. Ewwilla żewġ għammiela ma jinbigħux assarju? Frattant wieħed minnhom ma jaqax mal-art mingħajr il-volontà ta’ Missierkom. Inkwantu intom, saħansitra xagħar raskom hu kollu magħdud. Għalhekk tibżgħux; intom tiswew iżjed minn ħafna għammiela” (Mattew 10:28-31).  Il-providenza t’Alla sservi l-għan biex tagħti xhieda tiegħu fost il-pagani. L-interess, l-għożża u l-ħarsien patern tiegħu huma kollha sinjali illi jippontaw lejh innifsu. L-intenzjoni f’dit-testimonjanza, jekk xejn, hi biex il-bnedmin, huma min huma, ma jkollhomx skuża. Jilagħbuha taparsi ma jafux lil Alla; difatti jafu bih, imma jippreferu jaduraw u jservu allat oħra skont l-istħajjil u l-invenzjoni tagħhom. Alla l-veru hu qaddis wisq biex nidhru quddiemu maħmuġa bid-dnub; għaldaqstant in-nies taħarbu. Aspett ieħor inkwantu l-providenza hu dan. Alla, li jagħti

Nittajjar Bħall-Ajkla

“Jaqaw ma tafux? Jaqaw ma smajtx, li Alla etern, il-Mulej, il-Ħallieq ta’ truf l-art, la jinkedd u lanqas jgħejja? Għerfu ma jitfissirx. Jagħti s-saħħa lill-għajjien, u lil dawk li m’għandhomx saħħa jżidilhom il-qawwa. Jinkeddu wkoll it-tfal u jgħejjew, u jogħtru ż-żgħażagħ, u jaqgħu għalkollox. Iżda dawk li jittamaw fil-Mulej iġeddu saħħithom; jittajru bil-ġwienaħ bħall-ajkli. Jiġru u ma jgħejjewx; jimixu u ma jinkeddux” (Isaija 40:28-31). Ja Kristjan, tikkonsultax ir-raġuni debboli u karnali tiegħek bħala finali; ogħla minnha int mogħti r-rivelazzjoni divina. Tikkonsidrax ġismek stess, għax hu mejjet minħabba d-dnub. Ftakar dejjem, però, illi l-ispirtu hu ħajja, minħabba l-ġustizzja mgħoddija fil-kont tiegħek, u minħabba li l-Ispirtu s-Santu qed jopera fik kulma jogħġob lil Alla.  Għalkemm il-liġi hi dgħajfa minħabba l-inklinazzjoni tagħna lejn il-ħażen, frattant il-grazzja tirrenja fuq qalbna. Bl-evanġelju li ħaddanna ngawdu wegħdi tremendi biex jinkuraġġuna ħalli nimxu k

Lejn il-Port

“Għax nafu illi jekk it-tinda terrena, li hi darna, hi żarmata, għandna bini mingħand Alla, dar mhix magħmula bl-idejn, eterna fis-smewwiet. Sadattant f’dit-tinda nokorbu, imxennqin biex nitlibbsu bl-abitazzjoni tagħna mis-sema, billi, meta nitlibbsu, ma nkunux misjubin għarwenin. Għax waqt li qegħdin f’dit-tinda, nokorbu għax aħna mtaqqlin, peress li ma nixtiqux ninżgħu, iżda nitlibbsu bl-għamara smewwitija, sabiex il-mortali jinbela’ mill-ħajja” (2 Korintin 5:1-4). Il-Ġenna għal min jixtieqha. Min-natura tiegħu ħadd ma jixtieqha, għax hi l-għamara ta’ Alla mill-iktar qaddis. Allura l-Missier, b’operazzjoni ineffabbli u misterjuża, inisslilna fina x-xewqa għaliha. Jekk ma nkunux hekk kwalifikati, b’Ibnu l-passaport tagħna, ma ngawduhiex. Ħadd mhu eskluż minn saltnet is-smewwiet ħlief minħabba d-difett uman; imma huwa ħsieb konfortabbli ħafna meta nafu li fl-aħħar mill-aħħar did-dinja hi popolata biex il-Ġenna tkun popolata.  Mhux biss fil-vjali u l-pjazez, imma anke fl-isq

Ilsien Jaqta' Daqs Xafra

“Fin-niket tiegħi sejjaħt lill-Mulej, u hu semagħni. Eħlisli lil ruħi, o Mulej, minn xofftejn giddieba, u minn ilsien qarrieq. X’se jingħatalek? Jew x’se jiżdiedlek, o lsien qarrieq? Vleġeġ misnunin ta’ gwerrier, bil-ġamar tal-ġummar. Jaħasra għalija, li ngħix barrani f’Mesek, u qiegħed ngħammar fit-tined ta’ Kedar! Ruħi għexet għal żmien twil ma’ dak li jobgħod is-sliem. Jien irrid is-sliem, iżda appena nitkellem, insibhom lesti għall-gwerra” (Salmi 120:1-7). Hawn hu mleħħen l-appell tal-fidili għar-rilif minn sefsiefa u kalunjaturi, li jinqdew b’ilsienhom biex jagħmlu l-ħsara. Il-knisja t’Alla fuq l-art dejjem kienet bħal għasfur ta’ razza rari; l-isqra u l-avultuni dejjem sennew id-dwiefer kontra tiegħu. Id-dragun għadu jirsisti biex bl-għargħar ta’ fommu jibla’ lill-mara, li għaliha nstab refuġju fid-deżert mill-qilla straordinarja tal-forzi tad-dlam. Das-salm, mela, hu attraenti qatigħ għal dawk il-fidili li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn l-unika riżorsa li fadlilhom h

Għajn ta' Ilma Ġieri

“Isimgħu kelmet il-Mulej, o dar Ġakobb u l-familji kollha ta’ dar Iżrael: hekk jgħid il-Mulej, ‘X’ħażen sabu fija missirijietkom, biex tbiegħdu minni, u marru wara l-frugħa, u saru frugħa? U lanqas qalu, “Fejn hu l-Mulej li tellagħna mill-art tal-Eġittu, li mexxiena fid-deżert, f’art xagħrija u kollha ħofor, f’art niexfa u ta’ dell il-mewt, f’art li ħadd ma jgħaddi minnha, u fejn l-ebda bniedem ma jgħammar?” U ġibtkom f’art kollha frott, biex tieklu l-frott tagħha, u l-ħwejjeġ tajbin tagħha; iżda meta dħaltu, intom niġġistu arti, u wirti għamiltuh moqżież...‘Stagħġbu, o smewwiet, b’dan, u twerwru għall-aħħar, u tnikktu wisq,’ jgħid il-Mulej. ‘Għax il-poplu tiegħi għamel żewġ ħtijiet: telqu lili, għajn ta’ ilma ġieri, u ħaffru għalihom bjar, bjar imxaqqin li ma jżommux ilma” (Ġeremija 2:4-7,12-13). Kull fejn Alla jibni l-knisja ix-xitan jibni kappella. Hu qarrieq: bħala kupjatur u imitatur, bil-finijiet perversi tiegħu, ix-xitan ma tistax tittratta miegħu. Kulma tikkomprometti

Rabja bla Rażan

“Smajtu illi ngħad lill-antiki, ‘Tikkommettix omiċidju,’ u ‘Kull min jikkommetti omiċidju jkun ħaqqu l-ġudizzju.’ Imma jien ngħidilkom, kull min jirrabja ma’ ħuh ikun ħaqqu l-ġudizzju. Jerġa’, kull min jgħid lil ħuh, ‘Raka,’ ikun suġġett għas-Sinedriju; u kull min jgħid, ‘Ja iblah!’ ikun ħaqqu jmur fl-Infern tan-nar” (Mattew 5:21-22). Ġesù jgħallimna li r-rabja tiddiżonora ’l Alla u tipperikola lil ruħna meta tivventila lilha nfisha f’lingwaġġ ta’ tgħajjir, kliem baxx u irreverenti, jew diskors li jħalli ġrieħi f’qalb min jisimgħu. Meta tisplodi, bħal Vessuvju, aktar se tagħmel ħsara milli ġid. F’dal-każ l-enerġija hi moħlija: hija wżata biex tkisser u ddamdam lil ħaddieħor, flok biex tibnih u ssaħħu.  Ir-rabja tnikket lill-Ispirtu s-Santu meta tibqa’ mistura fi ħsibijietna, u allura tibda tagħlef element ta’ mibegħda lejn il-proxxmu, jew saħansitra lejn Alla! Din l-espressjoni tal-kollera tixbah lill-qanfud, li jimbaram fih innifsu bħala l-unika difiża tiegħu. L-internalizz

Minn Dudu għal Farfett!

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu – tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja. Issaportu ’l xulxin u aħfru ’l xulxin, jekk xi ħadd għandu lment kontra ħaddieħor; bħalma appuntu ħafrilkom is-Sid, hekk ukoll agħmlu intom. U fuq dawn il-virtujiet kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-armonija perfetta” (Kolossin 3:8-14). Il-karattru diffiċilment jinbidel, u bil-mod – iżda jinbidel, bil-perseveranza. Għax bħalma ħafna xita therri l-irħam, u ħafna rfis ta’ riġlejn jogħrof u jfannad i