Skip to main content

Posts

Showing posts from July, 2018

Salvatur Prezzjuż, Fidi Prezzjuża

“Filwaqt li tersqu lejh, il-ħaġra ħajja – irroftata mill-bnedmin imma magħżula minn Alla u prezzjuża – intom ukoll, bħala ħaġar ħaj, qed tinbnew bħala dar spiritwali biex tkunu saċerdozju qaddis, ħalli toffru sagrifiċċji spiritwali aċċettabbli għal Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Għax hu kontentut fl-Iskrittura: ‘Ara, inqiegħed ħaġra f’Sijon, ġebla angolari magħżula u prezzjuża, u min jemmen fih qatt mhu se jistħi.’ Dal-valur prezzjuż, mela, huwa għalikom il-kredenti. Imma għall-miskredenti, ‘Il-ħaġra li rroftaw il-bennejja saret bħala ras il- kantuniera’ u, ‘Ħaġra ta’ tfixkil u blata t’offiża.; Jitfixklu fil-kelma għax ma jobduhiex - għal dan kienu wkoll iddestinati” (1 Pietru 2:4-8). Il-fidili huma maħbuba bi mħabba prezzjuża, mifdija b’demm prezzjuż, imfarrġa b’wegħdi prezzjużi, u ġustifikati b’fidi prezzjuża. Iva, is-sewwa tagħhom quddiem Alla, il-qdusija, il-Ġenna, dan kollu għandna b’unjoni ma’ Ġesù prezzjuż. Bir-raġun jingħad illi dan “il-valur prezzjuż huwa għalikom il-kr

Il-Biża' tal-Mulej

“Il-proverbji ta’ Salamun, bin David, sultan ta’ Iżrael: biex il-bniedem jagħraf l-għerf u t-tagħlim, biex jifhem kliem ta’ dehen, biex jilqa’ tagħlim fuq l-għerf, fuq il-ħaqq, fuq is-sewwa, fuq l-onestà, biex jagħti l-għaqal lil min ma jafx, u liż-żgħażagħ tagħrif u dehen. L-għaref jisma’ u jżid fil-għerf tiegħu; ir-raġel intelliġenti jikseb pariri tajba; biex jifhem il-proverbji u t-tixbih, kliem l-għorrief, u t-taħdit mistur tagħhom. Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tat-tagħlim, iżda l-boloh jistmerru l-għerf u t-twiddib” (Proverbji 1:1-7). Mill-affarijiet ta’ did-dinja, il-ħsieb tal-Kristjan matur jintrefa’ kontinwament għall-avvenimenti futuri, in-Novissmi: mewt, ġudizzju, Infern u Ġenna. Dil-fidi li tara fil-bogħod iżżommna milli nitilfu l-perspettiva fit-tbatijiet u l-provi t’issa.  Fil-Ġenna l-indikazzjonijiet ċari huma li se jkun hemm gradijiet ta’ premji. Bħala nies konvertiti, dnubietna huma maħfura u qatt m’aħna se nsofru l-pwieni tal-Infern, madankollu xorta waħda s

Minn Xiex Tibża'?

“Minħabba f’hekk ngħidilkom, tinkwetawx għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’se tixorbu, lanqas għal ġisimkom, x’se tilbsu. Ewwilla l-ħajja mhix iżjed importanti mill-ikel, u l-ġisem mill-ilbies? Ħarsu lejn it-tjur tas-sema; la jiżirgħu, la jaħsdu u lanqas jiġbru fl-imħażen, frattant Missierkom smewwieti jitmagħhom. Ewwilla intom ma tiswewx aktar minnhom? Min minnkom, billi jinkwieta, jista’ jżid ma’ għomru mqar siegħa waħda?” (Mattew 6:25-27). Lil Sidney Smith darba talbuh parir. Qalulu, “Aħna nixtiequ ngħaddu l-ħajja bil-ferħ u t-tama; x’imissna nagħmlu?” Weġibhom, “Agħmlu xogħolkom fedelment, u ħudu veduti qosra tal-oqsma kollha tagħkom. Wara li tkunu pjanajtu għall-eternità billi tħabbibtu m’Alla bil-medjazzjoni ta’ Ibnu, ittawlux għenuqkom fil-bogħod wisq. Ħudu l-barka preżenti, u roddu l-ħajr f’kollox.” Il-ħażin hu kodard perfett, u jibża’ minn kollox. Il-ħsieb t’Alla suprem iwaħħxu, għax mhux rikonċiljat miegħu, u għadu jopponih meta jaf li ma jistax iġibha żewġ mieg

Ir-Rieda Tiegħi, Għax Hi Tiegħek

“Mela tistħix tagħti x-xhieda tiegħek dwar Sidna, lanqas dwari l-priġunier tiegħu, iżda sofri miegħi għall-evanġelju skont is-setgħa t’Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux minħabba l-opri tagħna, iżda minħabba l-għan u l-grazzja tiegħu stess, mogħtija lilna fi Kristu Ġesù qabel il-bidu taż-żmien, imma issa rrivelata permezz tal-manifestazzjoni tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù, li abolixxa l-mewt u ġab il-ħajja u l-immortalità għad-dawl permezz tal-evanġelju. Għalih jien kont appuntat araldu u appostlu u għalliem. Għaldaqstant inbati wkoll dan kollu. Madankollu ma nistħix, għax naf lil min emmint, u ninsab konvint illi hu setgħan biex jgħasses id-depożitu tiegħi għandu għal dak il-jum” (2 Timotju 1:8-12). Il-wegħda ta’ assigurazzjoni u konfort hi mgħoddija lill-Kristjan lieżem, mhux lill-għażżien; lill-Kristjan attiv, mhux lill-apatetiku; lill-Kristjan diliġenti, mhux lin-negliġenti. Il-Kristjan traskurat jimla fommu bl-iskużi u l-ilmenti, mentri sieħbu l-attiv għandu

Fl-Imħabba Divina

“Bħalma ħabbni l-Missier, hekk jien ukoll ħabbejtkom. Issa ibqgħu fi mħabbti. Jekk iżżommu l-kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti, bħalma jien żammejt il-kmandamenti ta’ Missieri u nibqa’ fi mħabbtu. Għidtilkom hekk sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun komplut. Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu ’l xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġwanni 15:9-12). L-obbigu tagħna illi nonoraw u nobdu lil Alla jorbotna. Hekk jew hekk aħna nafu l-eżistenza tagħna lilu. Minn mument għall-ieħor iżommna skont il-providenza għarfa u setgħana tiegħu. Frattant l-obbligu jagħfas wisq iżjed fuqna meta nikkonsidraw kif Alla ħabbna bi mħabba superba u inkredibbli: tana lil Ibnu stess biex kull min jafda fih ikun meħlus mill-ħtija tad-dnub, u jingħatalu wirt dejjiemi fis-smewwiet. Ir-relazzjoni t’Alla ma’ niesu hi iżjed minn dik ta’ Sultan kbir u s-sudditi tiegħu. Hi wkoll relazzjoni bejn Missier u wliedu adottivi. Il-patt irjali tiegħu hu patt ta’ familja. Il-ħniena ħelwa t

F'Kuntatt Mal-Missier

“Agħti widen għal kliemi, o Mulej; ikkonsidra t-tnegħid tiegħi. Isma’ l-leħen tal-għajjat tiegħi għall-għajnuna, Sultan tiegħi, u Alla tiegħi, għax lilek nitlob. O Mulej, filgħodu int tisma’ leħni; filgħodu noffrilek talbi, u nistenna. Għax int m’intix Alla li jogħġbok il-ħażen, lanqas jgħammar miegħek il-ħażin. Quddiem għajnejk ma jiqfux il-kburin; lil dawk kollha li jagħmlu l-ħażen inti tobgħodhom” (Salmi 5:1-5). Ladarba aħna ngħixu fil-Mulej, u nitħakkru u neżistu minħabba fih, allura hu d-dover indispensabbli tagħna illi nsejħulu u napplikaw għandu għal kull sukkors. Hu dover naturali. Kemm iżjed ulied il-grazzja għandhom jirrealizzaw illi dan għalina jsir privileġġ inkalkolabbli, barka tremenda għal dawk li huma rikonċiljati miegħu. Ġesù berikna b’bosta barkiet, fosthom it-tferrigħ tal-ispirtu tal-grazzja u s-suppliki. Fl-eżerċizzju tat-talb il-qaddisin tiegħu, matul iż-żminijiet, esperjenzaw komunjoni ħelwa ma’ Alla Trinità, li fedelment imlielhom kull ħtieġa u sema’ t

Il-Qaddisin

“Issa l-fidi hi l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ ittamati, iċ-ċertezza t’affarijiet li ma narawx. B’dil-fidi kienu rrikmandati n-nies fl-antik. Bil-fidi nifhmu li l-univers kien ifformat bil-kelma t’Alla, tant li l-ħaġa li naraw ma saritx minn ħwejjeġ viżibbli. Bil-fidi Abel offra ’l Alla sagrifiċċju aħjar minn Kajjin. Permezz tagħha kien mixhud li hu ġust, billi Alla xehed dwar l-għotjiet tiegħu. U permezz tal-fidi għadu jitkellem, avolja miet” (Ebrej 11:1-4). Minkejja d-demonji kollha jibqa’ jkun hawn il-qaddisin, u l-qaddisin jiddu l-aħjar fl-agħar żminijiet. Kultant jiddu żżejjed u d-dinja tkun kostretta titfi dawlhom għax isir insapportabbli. Il-martirju ġie introdott fid-dinja bikri ħafna: l-ewwel bniedem li miet, miet minħabba l-fidi tiegħu, u bil-fidi tiegħu, avolja mejjet, għadu jitkellem.  Issa jekk hemm glorja għal dawk li jmutu fil-Mulej, kemm aktar se jkollhom glorja dawn li jmutu għall-Mulej! Huma nies li ġrew il-ġirja tagħhom, bla ma ntelqu fil-ġenb. Żammew ħarsit

Qadi Fil-Belt

“Jiġri, jekk tisma’ bir-reqqa leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u tħares u tagħmel il-kmandamenti tiegħu li qiegħed nagħtik ilum, illi l-Mulej, Alla tiegħek, jgħollik fuq il-ġnus kollha tal-art. U jiġu dawn il-barkiet kollha fuqek u jilħquk, jekk tisma’ leħen il-Mulej, Alla tiegħek. Imbierek tkun fil-belt u mbierek tkun fir-raba’. Imbierek ikun frott ġufek u frott artek” (Dewteronomju 28:1-4). Il-bliet huma mimlija nkwiet, għaġla u tfexfix; min ikollu x’jaqsam mal-ibliet spiss iħossu jinfena bir-ritmu mgħaġġel tagħhom. Il-belt tirbombja bil-ħsejjes, ġeġwiġija ta’ nies, pika ta’ negozji u taħbit bla hedu. It-tiġrib, it-telfiet u l-inkwiet tal-belt huma innumerabbli. Iżda jekk tgħix jew taħdem f’belt bil-barka divina fuqek, id-diffikultajiet jittaffew sħiħ. Meta tibqa’ fil-belt bl-istess barka t’Alla ssib gost fid-doveri tiegħek, u qawwa ugwali għad-domandi tagħha. Barka fil-belt forsi ma tagħmilniex kbar, iżda żżommna fil-biża’ t’Alla. Abbli ma tagħmilniex sinjuri, iżda tippriżer

Satana Taħt Alla

“Reġa’ kien hemm jum meta wlied Alla ġew jidhru quddiem il-Mulej, u Satana ġie wkoll fosthom biex jidher quddiem il-Mulej. U l-Mulej qal lil Satana, ‘Mnejn ġej?’ u Satana wieġeb lill-Mulej, u qal, ‘Minn dawra mad-dinja, u mixja ’l hawn u ’l hinn.’ U l-Mulej qal lil Satana: ‘Qgħadt taħseb xejn fuq il-qaddej tiegħi Ġobb? Ma hawnx bħalu fuq l-art, raġel perfett u rett, wieħed li jibża’ minn Alla, u jaħrab il-ħażen? Għadu jżomm sħiħ fl-integrità tiegħu, għalkemm inti xewwixtni għalih, biex neqirdu għalxejn’” (Ġobb 2:1-3). Iċ-ċawl jgħajjat u jferfer ġwenħajh fuq it-taħsir, u jiġġieled fil-lussu fuq il-karkassi tal-mejtin. Hekk Satana wkoll jissodisfa l-aptit infernali tiegħu fuq l-erwieħ korrotti u mejta tal-umanità.  Satana wiegħer, imma għandu l-limiti tiegħu. L-ewwel nett hu mrażżan min-natura tiegħu stess, għax mhux kapaċi jagħmel kwalunkwe ħaġa li d-dispożizzjoni naturali tiegħu ma tippermettilux. It-tieni limitu hija r-rieda t’Alla s-Suprem; impossibbli jagħmel xi ħaġa kont

F'Dar il-Mulej

“Fraħt meta qaluli, ‘Ħa nidħlu f’dar il-Mulej.’ Riġlejna weqfin f’biebek, o Ġerusalemm. Ġerusalemm, mibnija bħala belt, magħquda ħaġa waħda. Hemm jitilgħu t-tribujiet, it-tribujiet tal-Mulej, bħala xhieda għal iżrael, biex ifaħħru isem il-Mulej. Għax hemm twaqqfu t-tronijiet għall-ħaqq, it-tronijiet tad-dar ta’ David. Itolbu għas-sliem ta’ Ġerusalemm! Ħa jkollhom ir-risq dawk kollha li jħobbuk” (Salmi 122:1-6). X’ferħ hemm fija meta mmur f’dar il-Mulej? Insib gwida eċċellenti biex inġib ruħi linja waħda mal-volontà divina f’dal-qasam. X’tip ta’ ħeġġa u prontizza nuri fil-qima t’Alla, u x’inizjattiva nesprimi fl-atti ta’ devozzjoni? Dawn huma marki essenzjali ta’ tjieba ġenwina, milqugħa mill-Mulej.  Il-lingwaġġ ta’ das-salm jjipponta lejn l-evanġelju fiż-żenit tiegħu. Ġerusalemm hi tip ta’ komunità tal-fidili, id-dar t’Alla, li jagħrfu lill-Mulej, għax is-salvazzjoni ġejja mingħand il-Lhud! Mingħandhom imbagħad infirxet mal-erbat irjieħ. Mela fis-salm ikkonsidrat hawn inkun

Il-Battalja Hi Tal-Mulej

“Imbagħad qal David lill-Filisti: ‘Int ġej lejja b’sejf, b’lanza u ladbarda, iżda jien ġej lejk f’isem il-Mulej tal-eżerċti, Alla tal-eżerċti ta’ Iżrael, li int għajjart. Illum il-Mulej jerħik f’idejja, u nidorbok u nneħħi rasek minn fuqek, u l-iġsma tal-eżerċtu tal-Filistin illum nagħtihom lit-tjur tas-sema u lill-bhejjem tal-art, biex l-art kollha tkun taf li hemm Alla f’Iżrael. U dil-ġemgħa kollha tkun taf li mhux bis-sejf u l-lanza jeħles il-Mulej: għax tal-Mulej it-taqbida, u jerħikom f’idejna’” (1 Samwel 17:45-47). Fuq dan m’hemmx x’niddibattu: il-battalja hi tal-Mulej. Nistgħu naċċertaw ruħna mill-vittorja, u vittorja tal-prima kwalità, li tesibixxi l-aħjar il-qawwa t’Alla. M’hemmx x’niddibattu.  Frattant, b’sogħba jkollna nammettu li sikwit ninsew lil Alla. Jibqa’ l-fatt li aħna l-ġemgħa tal-poplu tiegħu. Meta titqanqal l-opportunità jmissna nuru lill-bnedmin li Alla, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox, kapaċi jwettaq l-għanijiet tiegħu mingħajr id-driegħ tal-laħam. Tkun o

It-Trasferiment

“Minħabba f’hekk, mill-jum li smajna bikom, aħna ma hedejniex nitolbu għalikom u nissupplikaw ’l Alla sabiex timtlew bit-tagħrif tal-volontà tiegħu f’kull għerf u fehma spiritwali, ħalli timxu denjament tas-Sid u togħġbuh f’kull rispett billi tagħmlu l-frott f’kull opra tajba u tikbru fil-konoxxenza t’Alla; imsaħħin b’kull setgħa, skont il-potenza glorjuża tiegħu ħalli tiksbu kull perseveranza u paċenzja, u bil-ferħ tirringrazzjaw lill-Missier, li kkwalifikakom biex tixxerjaw fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Għax ħelisna mid-dominju tad-dlam, u ttrasferiena għas-saltna tal-Iben il-maħbub, li fih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kolossin 1:9-14). Mill-ħakma tad-dlam ninsabu trasferiti għas-saltna tad-dawl. Kif jista’ jkun? Kif seħħ dat-trasferiment? Il-Bibbja tagħti konsistentement tweġiba waħda: bi grazzja divina. Ġesù, fit-talba tiegħu lill-Missier, jgħid, “Għax tajtu l-awtorità fuq l-umanità kollha sabiex lil kull min tajt lilu jagħtihom il-ħajja eterna” (Ġw

Pjanijiet u Providenza

“Ħsibijiet il-ġusti huma sewwa, iżda l-pariri tal-ħżiena huma qerq. Il-Mulej jistkerrah il-ħsibijiet tal-ħżiena, iżda kliem il-ħlewwa huma safja. Erħi x-xogħol tiegħek fil-Mulej, u ħsibijietek iseħħu. Ħafna ħsibijiet hemm f’qalb il-bniedem; iżda hi l-fehma tal-Mulej li sseħħ. Il-ħsibijiet tal-ħabrieka jisfaw għall-ġid, iżda kull min hu mgħaġġel jaqa’ fil-faqar” (Proverbji 12:5; 15:26; 16:3; 19:21; 21:5). Beecher jgħidilna, “Meta l-frotta tkun għadha ġandra, iz-zokk tagħha jkun għadu mqabbad sew mal-fergħa; iżda meta ssir, taqa’ mal-ewwel buffura. Hekk ukoll, żomm sħiħ mal-pjanijiet tiegħek fil-ħajja sakemm Alla jurik illi saru, jew kisbu l-għan tagħhom; u mbagħad itlaqhom – itlaqhom bla tmaqmiqa.” Qis din id-differenza tremenda: il-ħsibijiet tagħna ħafna drabi huma fiergħa u ma jirrendu ebda frott, mentri l-għan etern t’Alla ma jinbidilx, kif iddikjara hu stess: “Ngħarraf it-tmiem mill-bidu, u minn żmien il-qedem ħwejjeġ li ma sarux: u ngħid: ‘Fehmti tibqa’, u nagħmel dak ko

Rabja Ġusta u Rabja Inġusta

“Għaldaqstant, billi tneħħu l-falsità, tkellmu l-verità, kull wieħed minnkom, mal-proxxmu tiegħu, għax aħna membri ta’ xulxin. Irrabjaw u frattant tidinbux. Tħallux ix-xemx tgħarrab fuq il-korla tagħkom, lanqas tagħtu opportunità lix-xitan. Ħalli min seraq ma jisraqx iżjed, imma aktarx għandu jitħabat, billi jaħdem onestament b’idejh stess, sabiex ikollu x’jaqsam ma’ min hu fil-bżonn. Ħa ma tipproċiedi l-ebda kelma mħassra minn fommkom, iżda biss kwalunkwe kelma tajba għall-edifikazzjoni ta’ ħaddieħor, skont kif tirrekjiedi l-okkażżjoni, sabiex tagħti grazzja ’l dawk li jisimgħuha.” (Efesin 4:25-29). Matthew Henry jirrakkonta dwar koppja miżżewġa: kemm ir-raġel kif ukoll il-mara kellhom temprament sħun, imma kienu jingwalawha flimkien. Kif? Billi osservaw regola sempliċi – ma jirrabjawx it-tnejn fl-istess ħin.  F’disgħa u disgħin punt disgħa fil-mija tal-każijiet, hu dmirna nwarrbu l-korla u kwalunkwe espressjoni ta’ rabja fina. Ir-raġel mgħaddab, bħaż-żewġ dixxipli rashom s

Kristu Mill-Bidu Sat-Tmiem

“Min għandu jdejh indaf u qalbu safja; min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, u lanqas jaħlef bil-qerq – bniedem bħal dan ikollu l-barka tal-Mulej, u l-ħaqq minn Alla tas-salvazzjoni tiegħu. Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh, li jfittxu lil wiċċek, o Alla ta’ Ġakobb. Erfgħu rjuskom, o bwieb, u intom, bwieb eterni intrefgħu, ħalli s-Sultan tal-glorja jidħol. Min hu dan is-Sultan tal-glorja? Hu l-Mulej qawwi u setgħan, il-Mulej qawwi fit-taqbida” (Salmi 24:4-8). Hemm avvenimenti kbar u dehriet meraviljużi jistennew lill-qaddisin, fosthom ir-ritorn glorjuż ta’ Kristu fil-konsummazzjoni taż-żminijiet. Il-ġudizzju jippreżenta spettaklu grandjuż fejn il-mifdija nfushom se jkun involuti. Għad ikun hemm smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar permanentement il-ġustizzja. S’issa għarafna lil Kristu f’kondizzjoni baxxa. Iżda l-istess dudu insinifikanti ta’ Salm 22 huwa s-sultan glorjuż f’Salm 24. Kultant il-glorja tiegħu xpakkat: fuq il-Ħermon, meta kien trasfigurat; fil-mirakli ti