Skip to main content

Minn Xiex Tibża'?

“Minħabba f’hekk ngħidilkom, tinkwetawx għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’se tixorbu, lanqas għal ġisimkom, x’se tilbsu. Ewwilla l-ħajja mhix iżjed importanti mill-ikel, u l-ġisem mill-ilbies? Ħarsu lejn it-tjur tas-sema; la jiżirgħu, la jaħsdu u lanqas jiġbru fl-imħażen, frattant Missierkom smewwieti jitmagħhom. Ewwilla intom ma tiswewx aktar minnhom? Min minnkom, billi jinkwieta, jista’ jżid ma’ għomru mqar siegħa waħda?” (Mattew 6:25-27).

Lil Sidney Smith darba talbuh parir. Qalulu, “Aħna nixtiequ ngħaddu l-ħajja bil-ferħ u t-tama; x’imissna nagħmlu?”

Weġibhom, “Agħmlu xogħolkom fedelment, u ħudu veduti qosra tal-oqsma kollha tagħkom. Wara li tkunu pjanajtu għall-eternità billi tħabbibtu m’Alla bil-medjazzjoni ta’ Ibnu, ittawlux għenuqkom fil-bogħod wisq. Ħudu l-barka preżenti, u roddu l-ħajr f’kollox.”

Il-ħażin hu kodard perfett, u jibża’ minn kollox. Il-ħsieb t’Alla suprem iwaħħxu, għax mhux rikonċiljat miegħu, u għadu jopponih meta jaf li ma jistax iġibha żewġ miegħu. Satana jbeżżgħu wkoll; hu t-turmentatur tiegħu. Jibża’ wkoll mill-ħlejjaq t’Alla, għax dawn jingħaqdu ma’ min sawwarhom, u jissieltu kontrih. Jibża’ minnu nnifsu, għax kulfejn imur iġorr miegħu x-xilja kontrih u jservi ta’ bojja tiegħu nnifsu.

Ir-raġel konvertit, kuntrarjament, m’għandu għalfejn jibża’ minn xejn. Mhux imwaħħax minn Alla, għax jafu bħala l-aqwa ħabib, anzi, bħala Missieru, u b’ebda mod mhu se jħallih iweġġa’ apposta. Satana ma jbeżżgħux, għax ma jistax imissu. Ma jiddejjaqx bl-afflizzjoni, għax tgħallem li jintbagħtulu minn Missier għaref u beninn, li jaf b’liema ammont u sakemm imissu jkun imtaqqal, għall-ġid ultimu tiegħu. Jaf illi hemm xi ħwejjeġ tajbin iżda mhumiex pjaċevoli, bħalma huma l-għali u t-tribulazzjoni. 

Id-dnub jista’ jkun pjaċevoli, iżda qatt profittabbli; l-għali hu profitabbli, avolja mhux pjaċevoli. Bħalma l-ilmijiet huma l-aktar safja meta jkunu jitħarrku, hekk il-qaddisin huma ġeneralment l-aktar ikkonsagrati għall-Mulej meta jkunu afflitti. Finalment, ma jiskansax milli jiltaqa’ miegħu nnifsu wiċċ imb wiċċ, għax il-kuxjenza tiegħu għandha s-sliem. 

Talba: “Għawwimna fi mħabbtek, Missier twajjeb, biex ninħaslu minn kull koċċli ta’ biża’ mqabbad magħna. Taħt it-treġija beninna u paterna tiegħek m’għandniex għalfejn nikkonfondu u wisq inqas nitwerwru. Ħalli fina jibqa’ biża’ wieħed biss: il-biża’ li b’xi mod noffenduk. Aħfrilna d-dgħufija tagħna; saħħaħ il-biża tiegħek fi qlubna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...