Skip to main content

Posts

Showing posts from November, 2018

L-Injoranza

“Għax imxennaq biex narakom, sabiex naqsam xi don spiritwali magħkom ħalli tkunu ssodati – voldiri, ħalli nkunu inkuraġġiti reċiprokament sakemm indum fostkom, permezz tal-fidi ta’ xulxin, kemm tagħkom kif ukoll tiegħi. Irridkom tkunu tafu, l-aħwa, illi sikwit ippjanajt biex niġi għandkom (imma s’issa kont ipprojbit) sabiex nikseb xi frott fostkom ukoll, bħalma tabilħaqq ġara fost il-bqija tal-Ġentili. Jien obbligat kemm lejn il-Griegi kif ukoll lejn il-barbari, kemm lejn l-għorrief kif ukoll lejn l-injoranti. Hekk, sakemm jiġi minni, ninsab ħerqan biex nipprietka l-evanġelju lilkom ukoll li qegħdin f’Ruma” (Rumani 1:11-15).  Is-sens ta’ meravilja fina hu missier ix-xjenza, mentri l-injoranza hi s-sliem tal-ħajja. Flimkien man-nuqqas ta’ kurżità, l-injoranza hi mħadda ratba li tistiednek tibqa’ titniegħes trankwill, għax min ma jaf xejn ma jiddubita xejn. F’ċerti komunitajiet rurali, maħkuma minn parrokkjaliżmu sfrenat, l-injoranza hi miżmuma fl-unur, u allura trid tkun iblah

Imħabba Sorprendenti

“Tassew, int toqtol il-ħażin, o Alla; għalhekk tbiegħdu minni, ja rġiel tad-dmija. Għax huma jitkellmu kontrik bil-qerq, u l-għedewwa tiegħek jieħdu jismek għalxejn. M’għandix nobgħodhom, o Mulej, lil dawk li jobogħduk? M’għandix nistmellhom lil dawk li jqumu kontra tiegħek? Nobgħodhom bl-ikbar mibegħda; ngħoddhom b’għedewwa tiegħi. Għarbilni, o Mulej, u agħraf lil qalbi; ġarrabni, u kun af ħsibijieti; u ara jekk hemmx xi triq ħażina fija, u mexxini fit-triq ta’ dejjem” (Salmi 139:19-24). Bħalma ragħaj ma jehdiex milli jobgħod ferħ ta’ lupu avolja jkun għadu ma ħabatx għan-nagħaġ, u bħalma l-bniedem iħares biċ-ċiera lejn serp għadu żgħir minkejja li għadu ma beżaqx semmu, hekk il-Mulej jittratta magħna, u bir-raġun. Jiġġudikana bħala denji tal-mewt minħabba n-natura perversa u mniġġsa fina, u dan minn ġuf ommna, minħabba x-xeħta għad-dnub maħduma fina. David jistqarr: “Ara, jien kont imsawwar fil-ħażen, u fid-dnub nisslitni ommi” (Salmi 51:5). Għax meta Adam dineb, billi kie

Separati Għal Sidna

“Imma meta dehret il-bontà u l-imħabba t’Alla s-Salvatur tagħna lejn il-bniedem, salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-miżerikordja tiegħu. Salvana bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, li sawwab fuqna ġenerożament permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, sabiex, iġġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja eterna. Affidabbli l-affermazzjoni. U rridek tenfasizza dwar dawn il-ħwejjeġ, sabiex dawk li emmnu f’Alla jieħdu ħsieb jingaġġaw fl-opri t-tajba. Dawn il-ħwejjeġ huma tajbin u siewja għall-bnedmin” (Titu 3:4-8). Definittivament, mingħajr qdusija ħadd ma jara wiċċ Alla; imma biex wieħed jibda jitqaddes l-ewwel irid ikun ġustifikat bid-demm imxerred tal-Ħaruf li ngħata biex ineħħi d-dnub tad-dinja.  Il-karattru Ċiniż għal “ġustizzja” hu mill-aktar interessanti. Hu attwalment kompost minn żewġ karattri separati – wieħed jissinifika “ħaruf,” u l-ieħor “jien.” Meta “ħaruf” hu mqiegħ

Dixxipli Denji

“Issa kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja u ntnasab bilqiegħda. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, u fetaħ fommu u qabad jgħallimhom billi qal: ‘Imberkin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hi saltnet is-smewwiet. Imberkin ix-xehiera, għax huma għad ikunu mfarrġin. Imberkin il-mansweti, għax huma għad jirtu l-art. Imberkin il-ġewwieħa u l-għatxana għas-sewwa, għax huma għad ikunu sodisfatti. Imberkin il-ħnien, għax huma għad jirċievu ħniena. Imberkin il-puri f’qalbhom, għax huma għad jaraw ’l Alla. Imberkin il-paċieri, għax huma għad jissejħu wlied Alla. Imberkin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi saltnet is-smewwiet. Imberkin intom meta jinsultawkom u jippersegwitawkom, u jgħidu kull speċi ta’ ħażen kontrikom bil-gideb, minħabba fija. Ifirħu u eżultaw, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet, għax hekk ippersegwitaw lill-profeti qabilkom” (Mattew 5:1-12) Ma jixraqx li Alla jaħfer lil dak li hu nnifsu ma jridx jaħfer. Il-beatitudni titkellem ċar: “Imb

Ġudizzju Ċert

“Għax Kristu ma daħalx f’xi Qaddis tal-Qaddisin magħmul bl-id, li hu sempliċi kopja tal-veru, iżda daħal fis-sema nnifsu, biex issa jidher fl-preżenza t’Alla għalina; lanqas sabiex joffri sikwit lilu nnifsu, bħalma s-sommu saċerdot jidħol fil-Qaddis tal-Qaddisin kull sena b’demm ħaddieħor. Altrimenti, Kristu kien ikun jeħtieġlu jbati ripetutament mill-ħolqien tad-dinja. Imma issa hu mmanifestat darba fi tmiem iż-żminijiet għat-twarrib tad-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. Bħalma l-bnedmin huma destinati li jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, offrut darba ħalli jneħħi d-dnubiet ta’ ħafna, għad jidher għat-tieni darba, mhux biex jittratta mad-dnub, iżda għas-salvazzjoni ta’ dawk li qed jistennewh bil-ħeġġa.” (Ebrej 9:24-28). Jum il-ġudizzju universali jista’ jkun remot; jum il-ġudizzju personali tiegħek hu viċin. Preċiżament kif tmut, hekk tinstab. Fl-istess kondizzjoni kif ruħek tħalli warajha lil ġismek, hekk ġismek jinstab minn ruħek. Im

Tama Lil Hinn Mill-Qabar

“Mela tistħix tagħti x-xhieda tiegħek dwar Sidna, lanqas dwari l-priġunier tiegħu, iżda sofri miegħi għall-evanġelju skont is-setgħa t’Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux minħabba l-opri tagħna, iżda minħabba l-għan u l-grazzja tiegħu stess, mogħtija lilna fi Kristu Ġesù qabel il-bidu taż-żmien, imma issa rrivelata permezz tal-manifestazzjoni tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù, li abolixxa l-mewt u ġab il-ħajja u l-immortalità għad-dawl permezz tal-evanġelju” (2 Timotju 1:8-10). Smajna dibattiti interminabbli dwar jekk ruħna hix immortali jew le, bħallikieku n-nies, minn kull epoka u ġens, kolti u barbari, ilsiera u nobbli, minn kull saff tas-soċjetà, ma jistgħux jirrikonċiljaw lilhom infushom għas-silenzju tal-qabar. Mhux wieħed jew tnejn huma ossessjonati dwar x’se jiġri minnhom la jagħlqu għajnejhom, x’vista se tiġi quddiemhom, u meta jinżlu fit-trab f’liema demanju se jkunu mgħollija. B’impenn dedikat bħal tal-Faragħunijet, li ġiegħlu jkunu mibnija l-piramidi bħal

L-Imħabba

“’L Alla ħadd qatt ma rah; imma jekk inħobbu ’l xulxin, Alla jgħammar fina u mħabbtu hi pperfezzjonata fina. B’dan nafu illi ngħammru fih u hu fina, għax tana mill-Ispirtu tiegħu. U aħna rajna u nixhdu illi l-Missier bagħat l-Iben bħala s-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr illi Ġesù hu Bin Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. U allura aħna għarafna u emminna l-imħabba li Alla għandu għalina. Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla jgħammar fih” (1 Ġwanni 4:12-16). L-imħabba hi dak il-ġojjell ewlieni fin-natura umana, imġedda fi Kristu, li tiddomanda biex tkun valutata kull fejn tinstab.  Inkwantu r-relazzjonijiet tagħna ma’ ħaddieħor, l-imħabba mhux biss hi mimlija bil-benevolenza, iżda wkoll bil-benefiċjenza. Mhux biss trid, iżda tagħmel ukoll. L-imħabba li twessa’ l-qalb qatt ma ddejjaq l-id. Bniedem karitattevoli, iżda li mhuwiex safi, hu aħjar għal ħaddieħor milli għalih innifsu.  Il-Kristjan ma jagħfasx fuq l-imħabba tant li jarmi l-veri

Il-Prova

“F’dan teżultaw bil-kif, avolja għal ftit ħin bħalissa, jekk jeħtieġ, qed titnikktu b’tiġrib varju, sabiex l-ipprovar tal-fidi tagħkom – iżjed prezzjuża mid-deheb, li jinqered allavolja hu ttestjat bin-nar – tinstab ġenwina u tirriżulta għat-tifħir, il-glorja u l-unur fir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Għalkemm ma rajtuhx, tħobbuh; u għalkemm bħalissa ma tarawhx, temmnu fih u teżultaw b’ferħ inesprimibbli u glorjuż, filwaqt li tottienu r-riżultat tal-fidi, is-salvazzjoni t’erwieħkom” (1 Pietru 1:6-9). L-oriġni u l-għan primarju tal-ħajja soċjali huma l-konservazzjoni, l-iżvilupp u l-perfezzjoni tal-enti uman, biex ma’ sħabu u mingħandhom isib l-għajnuna biex jirrealizza b’akkuratezza d-domandi u l-valuri tal-fidi u l-kultura stabbiliti mill-Kreatur għal kull individwu u kull komunità. Is-soċjetà hi mibnija fuq l-afdar, u l-afdar fuq il-konfidenza fl-integrità ta’ ħaddieħor. Għaldaqstant, mhux l-edukazzjoni, mhux il-politika, mhux l-ekonomija, hija r-rimedju għad-dinja, iżda

Kun Utli

“Tiġġudikawx, sabiex ma tkunux iġġudikati. Għax bl-istess mod kif tiġġudikaw se tkunu ġġudikati, u bil-kejl li tkejlu se jkun imkejjel lilkom. Għaliex tara l-iskalda f’għajn ħuk, imma ma tinnotax it-travu f’għajnek stess? Jew kif tista’ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek l-iskalda minn għajnek,’ meta travu jinsab f’għajnek stess? Ja ipokrita, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek stess, u mbagħad tara sew biex tneħħi l-iskalda minn għajn ħuk” (Mattew 7:1-5).  Kif ġieli smajt l-Ingliżi jitkellmu, min jgħammar fis-serer m’għandux iwaddab ġebel, u lanqas m’għandek tipponta lejn iċ-ċappatini ta’ ħaddieħor b’subgħajk inkallat. Min m’għandux qalb biex jgħin lanqas għandu dritt jikkritika, imma fir-realtà tal-ħajja, imqar l-iljun ikolli jiddefendi lilu nnifsu kontra d-dubbien.  Hawn nista’ ndeffes ħrafa mill-pinna t’Eżopu. Ġove, Nettunu u Minerva darba kellhom kompetizzjoni bejniethom biex jiddeterminaw min minnhom kellu ħila jagħmel l-aktar ħaġa perfetta fid-dinja. Ġove għamel bniede

Int Fina u Aħna Fik

“Hu jsaltan ukoll minn baħar sa baħar, u mix-xmara sa truf l-art. Dawk li jgixu fid-deżert jitbaxxew quddiemu, u l-għedewwa tiegħu jilagħqu t-trab. Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer iġibulu rigali; is-slaten ta’ Xeba u Seba jagħtuh għotjiet. Iva, is-slaten kollha jqimuh; il-ġnus kollha jaqduh. Għax hu jeħles lill-fqir meta jsejjaħlu, u lill-imsejken ukoll, u lil dak li m’għandu ’l ħadd min jgħinu. Hu jkollu ħniena mid-dgħajjef u mill-fqir, u jsalva l-erwieħ tal-fqar. Hu jifdi lil ruħhom mill-qerq u mid-dnewwa, u għażiż ikun demmhom quddiemu” (Salmi 72:8-14).  Il-batut jgħajjat; x’jista’ jagħmel iżjed? Alla jisma’ l-għajta tiegħu; x’hemm bżonn jagħmel iżjed? Jekk tinsab fil-bżonn, għajjat lill-Mulej, u ddumx, għax dan ikun għerf għalik. Tgħajjatx f’widnejn il-ħbieb, għax anke jekk jistgħu jgħinuk, jgħinuk għax il-Mulej jqawwihom biex jgħinuk. L-eqreb u l-eħfef triq hi li tirrikorri dritt għand il-Mulej, u tħalli l-għajta tiegħek titla’ quddiemu. Min jiġri dritt jiġri l-aħjar: i