Skip to main content

Dixxipli Denji

“Issa kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja u ntnasab bilqiegħda. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, u fetaħ fommu u qabad jgħallimhom billi qal: ‘Imberkin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hi saltnet is-smewwiet. Imberkin ix-xehiera, għax huma għad ikunu mfarrġin. Imberkin il-mansweti, għax huma għad jirtu l-art. Imberkin il-ġewwieħa u l-għatxana għas-sewwa, għax huma għad ikunu sodisfatti. Imberkin il-ħnien, għax huma għad jirċievu ħniena. Imberkin il-puri f’qalbhom, għax huma għad jaraw ’l Alla. Imberkin il-paċieri, għax huma għad jissejħu wlied Alla. Imberkin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi saltnet is-smewwiet. Imberkin intom meta jinsultawkom u jippersegwitawkom, u jgħidu kull speċi ta’ ħażen kontrikom bil-gideb, minħabba fija. Ifirħu u eżultaw, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet, għax hekk ippersegwitaw lill-profeti qabilkom” (Mattew 5:1-12)

Ma jixraqx li Alla jaħfer lil dak li hu nnifsu ma jridx jaħfer. Il-beatitudni titkellem ċar: “Imberkin il-ħnien, għax huma għad jirċievu ħniena.” Alla jikkanċella d-dejn tal-fidili tiegħu biex ikollhom il-biża’ tiegħu, mhux biex jabbużaw mill-maħfra. Min irċieva b’xejn mingħand Alla jagħti b’xejn lill-proxxmu. Maħfur biex naħfer, u la naħfer għandi evidenza li Alla diġà ħafirli.

Lanqas jixraq illi Alla jissuplixxi l-bżonnijiet ta’ dak li qatt ma jagħti lill-proxxmu tiegħu. Alla jkejlilna bl-istess siegħ li nużaw aħna. In-nies illi jimxu bl-aħrax mal-imsejkna jsibu li l-Mulej jittratta magħhom bl-aħrax ukoll. “Għax il-ġudizzju se jkun bla miżerikordja għal min ma jurix ħniena” (Ġakbu 2:13).

Bħala dixxipli ta’ Ġesù l-manswet, messna nkunu lħiħa biex nipprovaw nagħtu u naħfru, filwaqt li nissaportu u nċedu. Aktar messna nikkonċentraw fuq dmirijietna milli fuq jeddijietna. Ħa nkunu mħarrġin fil-ħniena u l-kumpassjoni; ħa nkunu kbar fil-ġentilezza u t-tenerezza. Ma ninterpretawx l-azzjonijiet ta’ ħaddieħor ħażin, u lanqas inqabbdu difrejna biex naqilgħu tilwima. Mhuwiex lant noqogħdu nilagħbuha tad-diffiċli. 

Għall-qalb mimsusa mill-Ispirtu, il-beatitudnijiet kif ħarġu minn fomm l-Imgħallem tagħna huma sbieħ u attraenti. Ċertament irridu nkunu mbierka; nixtiequ wkoll insibu ħniena quddiem Alla l-Ogħla. Ħa nkunu ħanina, u naqilgħu ħniena. Tkun ħasra l-beatitudnijiet ngħodduhom bħala sbieħ bla ma jsebbħu lil ħajjitna. 

Ħa nwettqu l-kondizzjoni, mela, u l-beatitudni tkun tgħodd għalina. Mhux dover pjaċevoli tkun ħanin? Mhuwiex oħla turi ħniena milli tesprimi l-għadab u x-xeħħa tiegħek? Barra minn hekk, il-ħniena t’Alla fuqna hi premju sinjur, prattikament tant sorprendenti. Il-grazzja sovrana t’Alla tippreżentalna t-tali promessa. Aħna nuru ħniena ma’ ħutna bis-soldi, u l-Mulej jaħfrilna d-dejn inkalkolabbli tagħna kollu. M’hemmx paragun!

Talba: “Bħalma int perfett, o Alla, iddeterminajt illi aħna wkoll inkunu pperfezzjonati fil-karattru tagħna. Aħdem fina ħnientek; ma jixraqx inżommuha biss għalina. Daqskemm liberament is-sema jħaddan id-dinja, jew ix-xemx tferra’ imparzjalment l-imrieżaq tagħha, hekk il-ħniena jeħtieġ tiċċirkonda kemm lill-ħabib kif ukoll l-għadu tagħna. F’dan ir-rigward inħarsu lejk biex tassistina. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...