Skip to main content

Posts

Showing posts from September, 2018

L-Aħjar Għażliet

“Anzi, aktar minn hekk, nikkonsidra saħansitra kollox bħala telf minħabba l-valur wisq aktar superjuri li nkun naf lil Kristu Ġesù Sidi. Minħabba fih irrinunzjajt il-ħwejeġ kollha, u nikkonsidrahom biss żibel sabiex niggwadanja ’l Kristu u ninstab fih, mhux li għandi l-ġustizzja personali tiegħi, dik derivata mil-liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu – il-ġustizzja mingħand Alla bbażata fuq il-fidi - ħalli nkun naf lil Kristu u s-setgħa tar-resurrezzjoni tiegħu u x-xirka tas-sofferenzi tiegħu, billi nkun ikkonformat ma’ mewtu, sabiex b’xi mod nilħaq ir-resurrezzjoni mill-imwiet” (Filippin 3:8-11). Il-Kristjan, bħal Marija meta laqgħet lil Ġesù f’darha u ntefgħat ma’ riġlejh tisimgħu, messu dejjem jagħmel l-aħjar għażliet. L-aqwa ħaġa hu t-tagħrif salviviku t’Alla tagħna, manifestat f’Ibnu. Hawn jinġabar l-għerf, il-qdusija u l-feliċità kollha tagħna. Tkun taf lil Ġesù jimplika temmen fih. Temmen fih tissinifika tħobbu. Tħobbu billi tosserva l-kmandamenti tiegħu. 

Marija Mbierka

“Marija qalet, ‘Ruħi timmanjifika lis-Sid u l-ispirtu tiegħi jeżulta f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax ħares lejn l-istat umli tal-qaddejja tiegħu. Ara, minn issa ’l quddiem il-ġenerazzjonijiet kollha se jsejħuli mbierka. Għax is-Setgħani għamel għalija ħwejjeġ kbar; qaddis hu ismu. Il-miżerikordja tiegħu testendi għal dawk li jibżgħu minnu minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. Għamel għemejjel potenti bi driegħu; ferrex lis-suppervi fil-ħsibijiet ta’ qalbhom; niżżel lill-potentati mit-tronijiet tagħhom imma għolla lill-umli’” (Luqa 1:47-52). Kemm kellha raġun meta x-xbejba ta’ Nażaret profetizzat li kull nisel għad isejħilha hienja. Indubjament hi mbierka għal dejjem; fuq hekk ħadd mhu lest jargumenta, għax il-favur divin lejha jiddi u jibbrilla. Wistin ta’ Ippona jesprimi lilu nnifsu hekk f’waħda mill-prietki tiegħu: “Ħarsu ħuti, u aħsbu sew, nitlobkom, fuq dak li qal Kristu l-Mulej meta medd idu lejn id-dixxipli, ‘Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda t

Fidi Fertili

“Għal din l-istess raġuni, applikaw kull tħabrik biex iżżidu l-virtù mal-fidi tagħkom; u mal-virtù, it-tagħrif; u mat-tagħrif, l-awtokontroll; u mal-awtokontroll, il-perseveranza; u mal-perseveranza, il-pjetà; u mal-pjetà, il-ħbiberija fraterna; u mal-ħbiberija fraterna, l-imħabba. Għax jekk tippossiedu fikom dawn il-kwalitajiet, u dejjem joktru, ma jħallukomx la ineffettivi u lanqas bla frott fit-tagħrif veru ta’ Sidna Ġesù Kristu” (2 Pietru 1:5-8). Jekk nixtiequ nigglorifikaw lil Sidna billi nipproduċu l-frott, jeħtieġ ikollna ċerti ħwejjeġ fina, għax xejn ma joħroġ minna jekk qabelxejn ma jkunx fina. Jeħtieġ nibdew bil-fidi, li hi l-pedament ta’ kull virtù ieħor. B’diliġenza nżidu magħha l-virtù, tagħrif, kontroll fuqna nfusna, u sabar. Ma’ dawn jeħtieġ ngħaddu ’l quddiem fit-tjieba u l-mħabba fraterna.  Dawn kollha, marbuta qatta waħda, ċertament iġegħluna nipproduċu għenieqed ta’ qdusija. Ma nkunux iżjed studenti li nitgħallmu fil-għażż, iżda naslu biex nagħmlu u nħaddm

Kobor fil-Fidi

“Għaldaqstant, saħħu l-idejn debboli u l-irkopptejn mitluqa u ‘agħmlu mogħdijiet dritti għal saqajkom,’ sabiex iz-zopp ma jisfax inkapaċitat imma aktarx jitfejjaq. Agħmlu kull sforz biex iżżommu s-sliem ma’ kulħadd, u għall-qdusija, li mingħajrha ħadd mhu se jara s-Sid. Oqogħdu attenti ħalli ma jkunx hemm xi ħadd li jonqos mill-grazzja t’Alla, li ma jkunx hemm xi għerq ta’ mrar li jisponta ’l fuq biex jiffastidjakom u b’dan ikunu kkontaminati l-ħafna. Ħsiebkom hemm li ma jkunx hemm xi fornikatur jew profan bħal Għeżaw, li għal ikla waħda biegħ l-primoġenitura tiegħu. Tafu illi wara, meta xtaq jiret il-barka, kien irroftat, għax ma sabx ċans għall-indiema, għad li fittixha bid-dmugħ” (Ebrej 12:12-17). Biex inkompli nissaħħaħ fil-fiduċja tiegħi fil-Mulej, irid ikolli l-ambizzjoni għas-santifikazzjoni, u t-tfittxija tagħha. Lhud 11 jilħaq il-klajmaks u l-applikazzjoni tiegħu f’kapitlu 12:1: “Immela aħna, billi għandna mdawra madwarna sħaba daqshekk kbira ta’ xhieda, ħa nwarrbu kull

Il-Misterju tal-Providenza

“Kif kien għadu qiegħed jitkellem, ġie ieħor ukoll, u qal: ‘Is-subien u l-bniet tiegħek kienu jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir, u ara, qam riħ qawwi mid-deżert, u ħabat mal-erba’ rkieni tad-dar, u waqgħet fuq iż-żgħażagħ, u mietu, u ħlist jien waħdi biex ngħidlek. Qam imbagħad Ġobb u ċarrat il-mantar tiegħu, u qarweż rasu, u miel sal-art u ta qima. U qal: ‘Għeri ħriġt minn ġuf ommi, u għeri nerġa’ mmur hemm; il-Mulej ta u l-Mulej ħa. Imbierek ikun isem il-Mulej.’ F'dan kollu ma dinibx, u ma qalx kliem iblah fuq Alla” (Ġobb 1:18-22). Il-prosperità materjali mhi ebda prova tal-favur divin fuqna. Dan insostnuh f’oppożizzjoni għal dawk li, bħall-Fariżej ta’ dari, iħobbu jkejlu l-favur t’Alla skont kemm għandhom ġid maħżun, skont kemm igawdu saħħa fiżika, u skont kemm huma skansati minn inċidenti gravi u ħwejjeġ negattivi bħal dawn.  Ħadd minna ma jista’ jkun jaf x’hemm f'qalb Alla lejh billi jistudja idu, x’inhi tagħtih u x’inhi tiċħadlu. Idu tal-ħniena tista

Bil-Ħlewwa

“Jien innifsi, Pawlu, nappellalkom f’ġieħ il-manswetudini u l-ġentilezza ta’ Kristu – jien li nkun ‘timidu’ meta wiċċ imb wiċċ fostkom, imma meta assenti ‘kuraġġjuż’ lejkom! Nagħmlilkom petizzjoni ħalli meta nkun preżenti ma jkollix għalfejn inkun kuraġġjuż bil-kunfidenza li biha nipproponi li nissogra naġixxi kontra xi wħud li jqisuna bħala nies li nimxu skont l-istandard ta’ did-dinja. Għax għalkemm ngħixu fid-dinja, ma niggwerrawx kif tagħmel id-dinja. Infatti l-armi tal-iggwerrar tagħna mhumiex karnali, iżda setgħanin b’Alla għad-demolizzjoni ta’ fortizzi. Aħna niddemolixxu argumenti u kull pretensjoni li tintrefa’ ’l fuq kontra t-tagħrif t’Alla, u nikkaptivaw kull ħsieb għall-ubbidjenza ta’ Kristu. U aħna lesti ħalli nikkastigaw kull diżubbidjenza, meta tkun kompluta l-ubbidjenza tagħkom” (2 Korintin 10:1-6).  Hawn min jidħollok qisu gaffa tal-bini, guffaġni waħdu u rozzaġni ssemmix. Frattant ma nstab xejn aktar segħtan mill-ġentilezza, u xejn daqshekk ġentili mis-setgħa re

Alla tal-Filosfi?

“Il-predikatur fittex li jsib kliem li jogħġob, u dak li nkiteb inkiteb bir-reqqa u bis-sewwa. Kliem l-għorrief hu bħal niggiżiet, u bħal imsiemer imwaħħlin tajjeb hi l-ġabra ta’ sentenzi mogħtijin minn ragħaj wieħed. Mill-bqija, ibni, iftaħ għajnejk: għall-kitba ta’ ħafna kotba m’hemmx tmiem, u ħafna studju hu taħbit għall-ġisem. Il-konklużjoni, wara li kollox instema’, hi: ibża’ minn Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax dan hu d-dmir ta’ kull bniedem. Għax Alla jagħmel ħaqq minn kulma jsir, minn kull ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina” (Ekkleżjażti 12:10-14).  Voltaire jgħid illi kieku Alla ma jeżistix ikun neċessarju nivvintawh. Ma nafx f’liema kuntest qalha, imma m’għandix għalfejn nistaqsi għalih. Probabbilment qalha biex iwaqqa’ – mingħalih – ’l Alla li ħalqu għaż-żufjett, avolja meta nqabad f’maltempata twerwer u appella ’l Alla biex jagħtih is-sokkors tiegħu.  Nies kontradittorji bħalu kienu u jibqgħu jħufu mas-saqajn, skuntenti għax mhumiex Alla, u bl-inkonsis

Wegħdi fiż-Żgur

“U Ġakobb qal, ‘O Alla ta’ missieri Abraħam, u Alla ta’ missieri Iżakk, il-Mulej li għidtli, “Erġa’ mur f’artek, u għand qrabatek, u jien nagħmillek il-ġid,” jien ma jistħoqqlix l-iżgħar ħniena tiegħek u s-sewwa tiegħek li inti għamilt mal-qaddej tiegħek, għax bl-għasluġ tiegħi għaddejt dal-Ġordan, u issa sirt żewġ qasmiet. Eħlisni, nitolbok, minn id ħija, minn id Għesaw, għax nibża’ minnu, li ma jiġix u joqtolni, l-omm mal-ulied. U int għidtli: “Żgur li nagħmillek il-ġid, u nagħmel nislek bħar-ramel tal-baħar, li ma jistax jingħadd bil-kotra’” (Ġenesi 32:9-12).  Dan hu metodu eċċellenti kif naqilgħu l-petizzjonijiet tagħna mingħand il-Mulej. Nistgħu bl-umiltà “nfakkruh” x’qal. Alla fidil tagħna qatt mhu se jsodd widnejh għal kliemu stess. Mhux se jħalli kliemu mingħajr ma jwettqu. Madankollu jħobb li niesu jitolbuh, u bħal speċi jfakkruh dwar il-wegħda tiegħu. Dan iservi biex jiffriska l-memorja tagħhom, jistejqru fil-fidi, jiġġeddu fit-tama tagħhom u jesperjenzawh bħala Missie

Tagħrif u Tjieba

“Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja. Issaportu ’l xulxin u aħfru ’l xulxin, jekk xi ħadd għandu lment kontra ħaddieħor; bħalma appuntu ħafrilkom is-Sid, hekk ukoll agħmlu intom. U fuq dawn il-virtujiet kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-armonija perfetta. Ħa jarbitra s-sliem ta’ Kristu fi qlubkom, li għalih tabilħaqq kontu msejħin f’ġisem wieħed. U kunu grati. Ħa tgħammar ġewwa fikom kelmet Kristu bl-għana, tgħallmu u tammonixxu ’l xulxin b’kull għerf, tkantaw salmi, innijiet u kanzunetti spiritwali, b’rikonoxxenza fi qlubkom ’l Alla. U kull ħaġa kwalunkwe li tagħmlu, sew bil-kelma jew inkella fl-att, agħmlu kollox f’isem is-Sid Ġesù, filwaqt li tirringrazzjaw ’l Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kolossin 3:12-17).  Fil-providenza għarfa u inskrutabbli tiegħu, Alla jqassam il-ġid. Lil min jagħtih ħafna, lil min jagħtih inqas u lil min jagħtih ftit. Iħalli spazju biżżejjed għalina

Virtù u Kuntentizza

“Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq il-leminija tiegħek, iżda l-pesta ma tersaqx lejk. Int dan tarah biss b’għajnejk, u tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għamilt il-Mulej il-kenn tiegħek, l-Ogħla bħala għamara tiegħek, hemm ebda deni ma jiġrilek, lanqas ebda ħsara ma tersaq lejn għamartek. Għax hu jqabbad l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebek, biex iħarsuk fit-triqat kollha tiegħek. Huma jerfgħuk fuq idejhom li ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla” (Salmi 91:7-12). Min iħobb it-tjieba jospita l-anġli, jaħji lill-bnedmin u jgħammar riverenzjalment m’Alla tiegħu. Ruħu, li tafda u tistrieħ fih, bħal ferħ t’għasfur fil-bejta, eventwalment tissaħħaħ, issir setgħana u tvilji bħall-ajkla fis-smewwiet. Mat-tjieba jingħaqad kull tip ta’ dehen, għax it-tjieba hi l-premju tagħha nfisha; Alla jinkurunaha, għax hi ħidmietu fina, il-qawwa tiegħu f’ġarar fuħħarin.  Għaldaqstant it-tajbin huma l-għożża speċjali tiegħu, u jinsabu taħt il-ħarsien permanenti tiegħu. Avolja jsofru, iġarrbu ko

Il-Korla

“Min jagħdab malajr jagħmel bluhat, u bniedem ta’ ħsibijiet ħżiena hu mibgħud. Min ma jagħdabx malajr għandu dehen kbir, iżda min jisħon malajr juri l-bluha tiegħu. Il-favur tas-sultan hu għall-qaddej għaqli, iżda għadbu għal min jagħmel għajb. Raġel mgħaddab ixewwex il-ġlied, iżda min ma jagħdabx malajr isikket it-tilwim. Titħabbibx ma’ min jitmasħan, u la timxix ma’ min jagħdab” (Proverbji 14:17,29,35; 15:18; 22:24). Ir-rabja hi passjoni tal-moħħ li taf tnissel uġigħ akut. Titqanqal prattikament fina lkoll, xi darba xi oħra. Hi provokata meta tirċievi azzjoni ħażina, jew theddida, inkella tħossok inġurjat (sew jekk għandek raġun jew le). Mar-rabja jkun hemm l-għan li tikkastiga, tpattiha jew tamenda s-sitwazzjoni.  Mhux kull tip ta’ rabja hi midinba. Fiha nfisha hi waħda mill-emozzjonijiet li aħna fornuti bihom bħala bnedmin. Ġesù nnifsu ġieli rrabja. Ir-rabja kienet maħsuba mill-Awtur tan-natura umana tagħna għad-difiża tagħna nfusna. Mhix bilfors passjoni egoistika, għax

Il-Ġustizzja u l-Grazzja

“Kif hu miktub: ‘Ħabbejt lil Ġakobb, imma bgħadt lil Għeżaw.’ X’se ngħidu mela? Jaqaw hemm l-inġustizzja m’Alla? Xejn affattu! Għax jgħid lil Mosè: ‘Se nħenn għal min inħenn u se nagħder lil min nagħder.’ Hekk mela ma jiddependix mir-rieda jew l-isforz uman, iżda minn Alla li jħenn. Għax l-Iskrittura tgħid lill-Faragħun: ‘Għal dan l-istess għan tajtek il-poter, ħalli niddimostra setgħeti fik u ħalli ismi jkun proklamat fl-art kollha.’ Hekk mela Alla jħenn għal min irid, imma ’l min irid iwebbsu” (Rumani 9:13-18). Diffiċli nissuperaw din il-preżentazzjoni ta’ grazzja divina! X’meravilja inkredibbli! Minn falluta, il-grazzja tirrendi r-ruħ sinjura; minn korrotta, sana; minn detestabbli, attraenti; minn kerha, sabiħa; minn maħmuġa, safja; minn avversiva għal Alla, f’intimità miegħu; minn aljenata, rikonċiljata; minn ikkundannata, ġustifikata; minn profana, qaddisa; minn mormija, milqugħa fil-Maħbub.  Alla hu grazzjuż magħna għax jogħġbu jkun grazzjuż – ebda raġuni oħra. Hu stes

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issirilna t-tien

Il-Bniedem Kbir?

“Imbagħad deherlu anġlu tas-Sid, wieqaf fuq il-lemin tal-artal tal-inċens. Malli rah, Żakkarija kien iddisturbat u qabdu l-biża’. Imma l-anġlu qallu, ‘Tibżax, Żakkarija, għaliex il-petizzjoni tiegħek instemgħet, u martek Eliżabetta se tilidlek iben, u int issejjaħ ismu Ġwanni. Bih ikollok ferħ u eżultanza, u ħafna se jifirħu bi twelidu. Għax se jkun kbir f’għajnejn is-Sid, u qatt m’għandu jixrob inbid jew likur ieħor. Għad ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu mqar meta jkun għadu f’ġuf ommu. Hu se jdawwar ħafna minn ulied Iżrael lejn is-Sid Alla tagħhom. Huwa dan li se jmur quddiemu fl-ispirtu u s-setgħa t’Elija, biex ‘idawwar qlub il-missirijiet lejn it-tfal,’ u d-diżubbidjenti għall-għerf tal-ġusti, ħalli hekk jipprepara għas-Sid nies imħejjija’” (Luqa 1:11-17). Il-kobor tal-bniedem jitkejjel fir-rieda tiegħu illi jibqa’ fiċ-ċkunija tiegħu; ikun lest jonqos biex jikber Sidu fl-istima tan-nies. Xi persuni tlaqqmu bit-titlu ta’ kbir: Alessandru l-Kbir, Katerina l-Kbira, Erodi l-Kbir. I

Saħħa Fiżika u Spiritwali

“Namarlek taħt ħalfa solenni, fil-preżenża t’Alla u ta’ Kristu Ġesù u tal-anġli magħżulin, sabiex iżżomm dawn l-istruzzjonijiet mingħajr preġudizzji u ma tagħmel xejn bil-favoritiżmu. Tpoġġi jdejk fuq ħadd bl-għaġla, u lanqas tixxierek fi dnubiet ħaddieħor. Żomm lilek innifsek safi. Tixrobx iżjed ilma biss, iżda uża daqsxejn inbid minħabba l-istonku u l-mardijiet spissi tiegħek. Id-dnubiet ta’ xi nies huma pjuttost ovvji, u jmorru quddiemhom għall-ġudizzju; għal xi wħud oħra, dnubiethom isegwuhom wara. Bl-istess mod, l-opri t-tajbin ukoll huma evidenti, u anke dawk li huma xort’ oħra ma jistgħux ikunu moħbijin” (1 Timotju 5:21-25). Il-priżervazzjoni tas-saħħa fiżika hi wieħed mid-doveri tiegħi, dover li bħad-doveri l-oħra ġieli traskurajt. Daqshekk ieħor wieħed jista’ jmur fl-estrem l-ieħor u jqis saħħtu bħala alla tiegħu. It-triq tan-nofs tiddettali illi teżisti moralità fiżika, bħalma hemm moralità spiritwali, avolja xi wħud donnhom jaġixxu inkonxji ta’ dawn ir-realtajiet. Mi

Bil-Metodu tal-Imgħallem

“Kif kien għaddej maġenb il-Baħar tal-Galilija, ra ’l Xmun u Indrì, ħu Xmun, qegħdin ikalaw xibka fil-lag, għax kienu sajjieda. ‘Ejjew warajja,’ Ġesù qalilhom, ‘u nagħmilkom li ssiru sajjieda tal-bnedmin.’ Fil-pront ħallew ix-xbieki tagħhom u segwewh. Kif avvanza kemxejn, ra ’l Ġakbu bin Żebedew u ’l ħuh Ġwanni; huma kienu fid-dgħajsa jsewwu x-xbieki. Dlonk sejħilhom, u ħallew lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti mikrija, u marru warajh.” (Mark 1:16-20). Biss meta nsegwu lil Ġesù mill-qrib nistgħu nottienu x-xewqa ta’ qalbna, u nkunu ta’ użu reali għall-proxxmu tagħna. Kemm nixtiequ nkunu sajjieda ħilin għal Sidna? Kemm lesti nissagrifikaw ħajjitna biex nirbħu l-erwieħ? Kemm hi prijorità minn ġimgħa għall-oħra? Jalla ma ninstabux diżubbidjenti għall-viżjoni tas-sema! Ikollna nammettu, però, illi aħna mġarrba nużaw metodi li Sidna Ġesù qatt ma prova jużahom. Se nibqgħu nċedu għal das-suġġeriment tal-għadu? Jekk naqgħu għat-tpespis insidjuż tiegħu, naslu biex inċaf

Doni u Mħabba

“L-imħabba qatt ma tispiċċa. Imma sew jekk hemm doni ta’ profeziji, għad ikunu aboliti; jew ilsna, għad jehdew; jew tagħrif, għad jkun abolit. Għax nafu parzjalment u nipprofetizzaw parzjalment, imma meta jiġi l-perfett, il-parzjali se jkun abolit. Meta kont tifel, tkellimt bħal tifel, ħsibt bħal tifel, irraġunajt bħal tifel. Meta sirt raġel, warrabt il-ħwejjeġ tiflin. Għax bħalissa naraw immaġni mċajpra, qisu f’mera, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Bħalissa naf parzjalment, imma mbagħad inkun naf fis-sħiħ, bħalma wkoll intgħaraft fis-sħiħ. Għalhekk issa jibqgħu dawn it-tlieta: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Imma l-ikbar minn dawn hi l-imħabba” (1 Korintin 13:8-13). Id-dnub, fir-renju u s-setgħa tiegħu, jista’ jikkoabita ma’ doni naturali mill-aktar eċċellenti taħt l-istess saqaf, ossija, fl-istess qalb. Wieħed jista’ jkun oratur u giddieb fl-istess ħin; jista’ jkollu lsien anġeliku u qalb demonika. Tista’ tkun skular magħruf u sepulkru mbajjad, kif kienu bosta mill-Fariżej, Sa

Bil-Ħlewwa Jew Bil-Ħatar?

“Issa nitolbu ’l Alla biex ma tagħmlu ebda ħażen. Mhux sabiex aħna nidhru bħala approvati, iżda sabiex intom tagħmlu s-sewwa, u dan avolja aħna nkunu nidhru bħala diżapprovati. Għax ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, iżda biss favur il-verità. Nifirħu kull meta aħna nfusna dgħajfin imma intom setgħanin; u dan nitolbu, għall-perfezzjonament tagħkom. Minħabba f’hekk qed nikteb dawn il-ħwejjeġ meta jien assenti, sabiex meta nkun preżenti ma jkollix għalfejn nittratta magħkom severament, skont l-awtorità li s-Sid tani għall-edifikazzjoni u mhux għad-demolizzjoni tagħkom. Finalment, l-aħwa, ifirħu. Immiraw għall-perfezzjoni, isimgħu mill-appell tiegħi, kunu fehma waħda, għixu fis-sliem. U Alla tal-imħabba u tas-sliem se jkun magħkom. Sellmu ’l xulxin b’bewsa qaddisa. Isellu għalikom il-qaddisin kollha. Il-grazzja tas-Sid Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka tal-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Korintin 13:7-14). Mexxej fi knisja għandu awtorità reali u huwa miste

Siġra Tajba Frott Tajjeb

“Jew tagħmel is-siġra tajba u l-frott tagħha jkun tajjeb, inkella tagħmel is-siġra mħassra u l-frott tagħha jkun imħassar, għax is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Ja nisel il-lifgħat! Kif tistgħu intom, li intom ħżiena, titkellmu ħwejjeġ tajba? Għax mill-kotra tal-qalb jitkellem il-fomm. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb tiegħu joħroġ ħwejjeġ tajba, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena” (Mattew 12:33-35). Għemejjel ħżiena joqtlu r-ruħ, imma rridu niftakru wkoll li n-nuqqas ta’ għemejjel tajba jmarrduha. B’ebda mod m’aħna nimplikaw li b’xi mod aħna nimmeritaw il-Ġenna minħabba xi opri li għamilna. Xejn affattu! Bl-opra tal-ubbidjenza ta’ Kristu waħdu aħna salvati. Bħalma t-tuffieħa mhijiex il-kawża tas-siġra, iżda l-frott tagħha, hekk ukoll l-opri tajba mhumiex il-kawża tas-salvazzjoni tagħna, iżda sinjal konvinċenti u frott utli tas-salvazzjoni tagħna bil-ħila ta’ Kristu. Mela l-opri tajba huma għemejjel li ħadd mhu salvat minħabba fihom, iżda lanqas mingħ

Dari u Dar Alla

“Hieni kull min jibqa’ mill-Mulej u jimxi fi triqatu! Għax int tiekol minn xogħol idejk; hieni int, u jaħbatlek tajjeb! Martek tkun bħal dielja li tagħmel il-frott fl-irkejjen ta’ darek; uliedek ikunu bħal xital taż-żebbuġ madwar il-mejda tiegħek. Ara, hekk ikun imbierek il-bniedem li jibża’ mill-Mulej. Il-Mulej ibierkek minn Sijon, u int tara l-ġid ta’ Ġerusalem tul ħajtek kollha. Iva, int tara wlied uliedek! Is-sliem fuq Iżrael!” (Salmi 128:1-6). Din hi wegħda mogħtija lil wieħed li jibża’ minn Alla u jimxi fi triqat il-qdusija bla ipokresija. Ikollu barka domestika; martu u wliedu jkunulu sors ta’ kuntentizza kbira fid-dar. Bħala membru tal-knisja jixtieq jara l-kawża t’Alla ssib ir-risq, għax jinsab ikkonċernat għal dar il-Mulej, daqskemm hu kkonċernat għal daru. Meta l-Mulej jibni darna, jixraq ukoll li nikkoltivaw ix-xewqa li naraw dar il-Mulej mibnija wkoll. It-tajjeb u l-ġid tagħna mhuwiex verament tajjeb jekk kemm-il darba ma mmexxux ’il quddiem il-ġid tal-knisja maħtur

Wegħda u Providenza

“‘Għal ħin wieħed tlaqtek, iżda bi ħniena kbira niġbrok. F’fawra ta’ għadab ħbejt għal ftit wiċċi minnek, iżda bi ħniena għal dejjem nitħassrek,’ jgħid il-Feddej tiegħek, il-Mulej. ‘Għax dan hu bħall-ilmijiet ta' Noè għalija, għax bħalma ħlift li l-ilmijiet ta' Noè ma jitilgħux aktar fuq l-art, hekk ħlift li ma nerġax iżjed nagħdab għalik u lanqas inċanfrek. Għax il-muntanji jistgħu jitilqu u l-għoljiet jitheżżu, iżda mħabbti ma titħarrikx minn miegħek, u lanqas il-patt tas-sliem tiegħi ma jitħarrek,’ jgħid il-Mulej li jħenn għalik” (Isaija 54:7-10). Il-Mulej jirtira minna biex jattirana lejh! Ħsibijietu huma ħsibijiet ta’ sliem, biex jagħtina futur u tama. Jekk jaħbi wiċċu minna għal ftit, dan jagħmlu biex ma jagħtiniex dahru għal dejjem. Jabbandunana għal perjodu qasir, biex aħna mmutu għad-dinja, u nixxenqu aktar għall-Ġenna, il-port ultimu tagħna. Jabbandunana temporanjament biex nitgħallmu ngħixu bil-fidi. Jitlaqna għal xi ħin biex, f’dix-xitwa għerija u qalila, il-

Mexxini Int

“Ħa jroddu glorja lill-Mulej, u jxandru tifħiru fil-gżejjer! Il-Mulej joħroġ bħal eroj, iqajjem il-ħeġġa kollha tiegħu bħal gwerrier; jgħolli leħnu, iva, jgħajjat bis-saħħa, jegħleb lill-għedewwa tiegħu. Għal żmien twil bqajt ħiemed; skitt u trażżant; issa ngħajjat bħal mara fil-ħlas; nilheġ u nonfoħ f’daqqa. Nagħmel ħerba muntanji u għoljiet, u nnixxef il-ħdura kollha tagħhom; u nagħmel ix-xmajjar art niexfa, u l-għadajjar innixxifhom. U nġib l-għomja minn triq li ma jafuhiex; ngħaddihom minn mogħdijiet li ma jafuhomx, u t-toroq mgħawġin nagħmilhom dritti. Dawn il-ħwejjeġ nagħmilhom, u ma nitlaqhomx” (Isaija 42:12-16).  Aħseb dwar Jaħwe glorjuż, kif jagħmilha ta’ gwida għall-għomja! Kemm kapaċi jitbaxxa lejn il-ħlejjaq tiegħu! X’kondixxendenza meraviljuża din!  Raġel għama mhux kapaċi jsib triq li mhuwiex familjari magħha. Anke meta jkun jaf it-triq, diffiċli għalih jaqsamha; iżda triq li ma jafhiex qatt ma jażżarda jirfes fuqha. Min-natura, aħna wkoll għomjin fejn tidħol