Skip to main content

Wegħda u Providenza

“‘Għal ħin wieħed tlaqtek, iżda bi ħniena kbira niġbrok. F’fawra ta’ għadab ħbejt għal ftit wiċċi minnek, iżda bi ħniena għal dejjem nitħassrek,’ jgħid il-Feddej tiegħek, il-Mulej. ‘Għax dan hu bħall-ilmijiet ta' Noè għalija, għax bħalma ħlift li l-ilmijiet ta' Noè ma jitilgħux aktar fuq l-art, hekk ħlift li ma nerġax iżjed nagħdab għalik u lanqas inċanfrek. Għax il-muntanji jistgħu jitilqu u l-għoljiet jitheżżu, iżda mħabbti ma titħarrikx minn miegħek, u lanqas il-patt tas-sliem tiegħi ma jitħarrek,’ jgħid il-Mulej li jħenn għalik” (Isaija 54:7-10).

Il-Mulej jirtira minna biex jattirana lejh! Ħsibijietu huma ħsibijiet ta’ sliem, biex jagħtina futur u tama. Jekk jaħbi wiċċu minna għal ftit, dan jagħmlu biex ma jagħtiniex dahru għal dejjem. Jabbandunana għal perjodu qasir, biex aħna mmutu għad-dinja, u nixxenqu aktar għall-Ġenna, il-port ultimu tagħna. Jabbandunana temporanjament biex nitgħallmu ngħixu bil-fidi. Jitlaqna għal xi ħin biex, f’dix-xitwa għerija u qalila, il-ħaxix ħażin u d-duda ta’ dnubietna jkunu mortifikati u maqtula. Iwarrab minna għal xi waqtiet biex aktar tard jiffissa mħabbtu fuqna. Jaħbi wiċċu minna għal ftit biex il-ferħ u l-konfort tagħna jkunu aktar ferventi, eżaltati u mwessa’. Fin-natura tagħna, nifirħu l-aktar meta nsibu ħniniet mitlufa. Il-Mulej, li jaf in-natura tagħna, biex ikabbrilna l-feliċità, it-tifħir, il-gratitudni tagħna, għall-preżenza, il-wiċċ u l-manifestazzjoni ta’ mħabbtu, kultant jirtirahom. 

Mela, fit-trattamenti kollha tal-Mulej magħna, l-intenzjoni hi waħda sublimi, tajba u qaddisa. M’għandniex għalfejn niskuraġġixxu rwieħna, mela, meta nsibu rwieħna abbandunati. 

Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn biex ma nkejlux l-affezzjoni eterna t’Alla b’xi dispensa preżenti tal-providenza tiegħu. Hemm dispjaċir etern kontra bniedem; u hemm dispjaċir preżenti ma’ bniedem. Dispjaċir etern ma jistax joqgħod ma’ mħabba eterna; imma mħabba eterna u dispjaċir preżenti sikwit imorru flimkien. Missier jista’ jkollu xi jgħid ma’ ibnu għall-preżent, u frattant ikun iħobbu b’imħabba paterna. Hekk Alla jista’ u infatti jħobb lil uliedu, għalkemm fil-preżent ikun dispjaċut bihom. 

Issa jekk niżbaljaw u nispiċċaw inkejlu l-affezzjoni eterna t’Alla skont kif qed jittrattana preżentement, nisfaw skuraġġiti. Alla dipendibbli mqar meta l-providenzi tiegħu donnhom jidhru mdawra kontra l-wegħdi tiegħu għalina. Lil David wiegħdu kuruna u saltna, iżda l-providenza apparentement teħodha kontra l-wegħda tiegħu. “Ir-raġel għal qalb Alla” hu kkaċċjat minn Sawl. Kemm-il darba kellu ħajtu pperikolata. Matul dal-perjodu David kien fid-dmir li jibqa’ jafda fil-Mulej. 

Sikwit, bi providenza mqita, Alla jaħdem b’tali mod u manjiera illi jwettaq il-wegħda tiegħu. Lil Pawlu qallu illi l-passiġġieri kollha fuq il-bastiment kellhom ikunu salvati mill-għarqa. Iżda issa, mix-xeħta tagħha, il-providenza qisha teħodha kontra l-wegħda. L-irwiefen jonfħu, il-ġifen jinkalja u jsir trietaq…u hekk Alla kkonferma l-wegħda tiegħu! Min qabad ma’ tavla, u min ma’ xi biċċa arblu, in-nies abbord kollha waslu x-xatt qawwijin u sħaħ. Afda f’Alla saħansitra meta tarah jidderieġi l-affarijiet donnu kuntrarju għall-promessa żgura tiegħu. 

Talba: “X’assigurazzjoni ħelwa tgħaddielna! Nistgħu ngħaddu mis-saram u nkwiet u mard u faqar, iżda mħabbtek ma titħarrikx minn magħna, la tvarja u lanqas tonqos, u lanqas il-patt tas-sliem tiegħi ma jiċċaqlaq jew isir inċert. Ma tiskansalniex it-tempesta iżda tgħaddina minna. Nitolbuk biex f’dan kollu nibqgħu b’ħarsitna fuqek, Missier ta’ għerf u mħabba bla fini.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...