Skip to main content

Doni u Mħabba

“L-imħabba qatt ma tispiċċa. Imma sew jekk hemm doni ta’ profeziji, għad ikunu aboliti; jew ilsna, għad jehdew; jew tagħrif, għad jkun abolit. Għax nafu parzjalment u nipprofetizzaw parzjalment, imma meta jiġi l-perfett, il-parzjali se jkun abolit. Meta kont tifel, tkellimt bħal tifel, ħsibt bħal tifel, irraġunajt bħal tifel. Meta sirt raġel, warrabt il-ħwejjeġ tiflin. Għax bħalissa naraw immaġni mċajpra, qisu f’mera, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Bħalissa naf parzjalment, imma mbagħad inkun naf fis-sħiħ, bħalma wkoll intgħaraft fis-sħiħ. Għalhekk issa jibqgħu dawn it-tlieta: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Imma l-ikbar minn dawn hi l-imħabba” (1 Korintin 13:8-13).

Id-dnub, fir-renju u s-setgħa tiegħu, jista’ jikkoabita ma’ doni naturali mill-aktar eċċellenti taħt l-istess saqaf, ossija, fl-istess qalb. Wieħed jista’ jkun oratur u giddieb fl-istess ħin; jista’ jkollu lsien anġeliku u qalb demonika. Tista’ tkun skular magħruf u sepulkru mbajjad, kif kienu bosta mill-Fariżej, Sawl ta’ Tarsu l-ewwel wieħed. Ħa ngħassu mela kontra l-possibbiltà li d-doni tagħna ma jkunux bħal ingwanti ta’ ħarir fin mixdudin fuq idejn inkallati. 

Id-doni nutilizzawhom, mhux bi skop ulterjuri, iżda għall-avvanz ta’ nies li huma f’kuntatt magħna. Nifhmu wkoll illi akbar m’int akbar hemmek; iżjed m’int donat, probabbilment iżjed se jkollok tgħodd in-nefqa. Il-kapott ta’ Ġużeppi għamlu isbaħ u aktar prominenti minn ħutu, iżda kkawżalu s-saram kollu tiegħu. Hekk talenti jew doni kbar jelevawk tikka ogħla minn ħaddieħor f’għajnejn is-soċjetà, iżda faċilment ikunu okkażżjoni ta’ bosta provi. 

Min hu fil-baxx jibqa’ eżentat minn dal-gwaj. M’inix ngħid hekk biex niskuraġġixxi jew inberred il-fjamma tal-entużjażmu; sempliċement qed nagħmel osservazzjoni. Allura, bid-doni mogħtija lilek, fittex servi – b’umiltà, fervur, u rieda tajba. Iżda tiddependix fuq kisbietek: Kristu biss kien u jibqa’ l-garanti tiegħek quddiem l-iżbarra tal-ġudizzju t’Alla. 

Talba: “Grazzi għad-doni li tajtna, Mulej, biex bihom naqdu u nedifikaw lil xulxin. Flimkien magħhom assiguralna illi x-xogħol prodott mill-fidi tagħna jkun kotran, it-taħbit imqanqal mill-imħabba jkun sinċier, u l-kostanza mnebbħa mit-tama f’Sidna Ġesù Kristu żżommna mexjin tul it-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja fil-preżenza tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...