Skip to main content

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8).

Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla li taqsmilna idna.

Hi ħniena kbira mingħand il-Mulej meta bl-Ispirtu tiegħu jgħallimna li m’hemm ebda sokkors fi bnedmin bħalna. Tafdax f’xi ħadd li hu nnifsu dipendenti fuq il-Mulej omnipotenti. Il-kult tal-qaddisin fil-knisja Rumana hu żvijjatura serja; in-nies spiċċaw iffissaw il-ħarsa tagħhom fuq il-qaddisin, flok mhuma jagħmlu kif għamlu l-qaddisin infushom, ċoè, jiffissaw id-devozzjoni tagħhom esklussivament fuq Kristu. 

Għajnuna effettiva tista’ “ddum” ma tiġi, imma tiġi biss mingħand il-Mulej, u ħadd aktar. Tinterpretax dil-verità biblika, ċertissma, b’dak li jaraw għajnejk. Alla waħdu hu suffiċjenti. Il-bnedmin u l-anġli, mezzi u strumenti, il-qawwiet magħquda tal-art, u l-għerf tal-ħlejjaq kollha huma inqas mix-xejn, paragunati m’Alla omnipotenti. Fih biss inkunu sikuri.

F’dan ir-rigward jaqbel nistudjaw l-għemejjel tal-ħolqien. Goethe sejjaħ il-kreazzjoni fit-totalità tagħha, “Das lebendiges Kleid,” il-libsa ħajja. Jiżvela s-setgħa u l-perfezzjonijiet l-oħra t’Alla b’manjiera importanti wisq għalina li nifhmu. Dal-ktieb bl-istampi ma naffordjawx inħalluh fuq l-ixkaffa. Qabel ma niksbu konċett adegwat tal-omnipotenza t’Alla, ma naslux biex niddependu fuqu, għal kulma neħtieġu, sew ikel u lbies, kif ukoll maħfra u barkiet spiritwali. 

Jixraq inkunu nafu mnejn taslilna l-għajnuna għax il-mogħdija tagħna matul ħajjitna hi miżgħuda b’perikli u ażżard, u faċli niżolqu u nogħtru fil-korsa tagħna. Fina nfusna qisna ħafura. Stramba kif ma nkunux rovinati totalment, meta x-xitan, id-dinja, u l-laħam ifittxu jkissruna b’persistenza inkredibbli. Imma meta niftakru li Alla hu t-tama ta’ niesu, il-misterju hu spjegat. 

Il-viġilanza ta’ Jaħwe fuq il-wirt tiegħu hija ammirabbli daqskemm meħtieġa. Imqar is-sentinell, li jaf li l-piena hija l-mewt jekk jittraskura xogħlu, kultant jongħos fil-posta tiegħu. Mhux hekk il-Mulej!

Talba: “Il-wegħdi tiegħek, o Alla omnipotenti, huma sħaħ u ma jaqgħux fit-trab. Huma stabbiliti fis-smewwiet, u bil-fidi nsarrfuhom. Żommilna l-ħarsa tal-fidi fuqek, is-Sultan sovran, biex la ninsew min aħna u lanqas x’inhi l-vokazzjoni għolja tagħna. F’isem Ibnek, il-Medjatur tagħna, nitolbuk. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...