Skip to main content

Bil-Metodu tal-Imgħallem

“Kif kien għaddej maġenb il-Baħar tal-Galilija, ra ’l Xmun u Indrì, ħu Xmun, qegħdin ikalaw xibka fil-lag, għax kienu sajjieda. ‘Ejjew warajja,’ Ġesù qalilhom, ‘u nagħmilkom li ssiru sajjieda tal-bnedmin.’ Fil-pront ħallew ix-xbieki tagħhom u segwewh. Kif avvanza kemxejn, ra ’l Ġakbu bin Żebedew u ’l ħuh Ġwanni; huma kienu fid-dgħajsa jsewwu x-xbieki. Dlonk sejħilhom, u ħallew lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti mikrija, u marru warajh.” (Mark 1:16-20).

Biss meta nsegwu lil Ġesù mill-qrib nistgħu nottienu x-xewqa ta’ qalbna, u nkunu ta’ użu reali għall-proxxmu tagħna. Kemm nixtiequ nkunu sajjieda ħilin għal Sidna? Kemm lesti nissagrifikaw ħajjitna biex nirbħu l-erwieħ? Kemm hi prijorità minn ġimgħa għall-oħra? Jalla ma ninstabux diżubbidjenti għall-viżjoni tas-sema!

Ikollna nammettu, però, illi aħna mġarrba nużaw metodi li Sidna Ġesù qatt ma prova jużahom. Se nibqgħu nċedu għal das-suġġeriment tal-għadu? Jekk naqgħu għat-tpespis insidjuż tiegħu, naslu biex inċafċfu fl-ilma, iżda qatt ma naqbdu ħut. Irridu nixmu wara Ġesù jekk irridu nirnexxu. Ħa nkunu moralment fermi biex nevitaw metodi sensazzjonali, divertiment, mima, żfin u l-bqija. Hekk ried jgħidilna nagħmlu Ġesù meta qalilna, “Ejjew warajja”? Nistgħu nimmaġinaw lil Sidna Kristu jiġbed in-nies lejh billi juża mezzi evanġelistiċi tant popolari llum? 

X’inhu r-riżultat ta’ esperimenti bħal dawn? Forsi jappellaw għall-bniedem mitluf, iżda meta jintiżen kollox fl-aħħar jum, ma jkunu jsarrfu xejn. Il-ministeru tagħna jinstab li kien mibni bl-għawied, tiben u ħuxlief – materjal li jisfa maħruq fil-ġudizzju divin.

Jeħtieġ inkomplu nippritkaw u nagħtu xhieda verbali, bħalma għamel l-Imgħallem tagħna. B’dan il-metodu sempliċi jintrebħu l-erwieħ. Jeħtieġ inxandru d-dottrina li xandar il-Mulej u nniedu l-bxara sħiħa. Jeħtieġ nipproklamaw salvazzjoni b’xejn permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Jeħtieġ nappellaw għall-indiema u nwissu dwar il-ħaqq fl-aħħar jum. 

Din hi x-xibka li biha jinqabdu l-erwieħ mitlufa. Jeħtieġ inkellmu n-nies bl-istess ġentilezza, qlubija u mħabba li għandu Sidna. Hawn hu s-sigriet għas-suċċess. Jeħtieġ nistinkaw bl-unzjoni tal-Ispirtu fuqna; niddependu fuqu totalment. 

Talba: “Mulej Ġesù, nirrealizzaw li l-metodu kmandat minnek qatt ma nbidel. Ordnajtilna biex insegwu fuq il-passi tiegħek. Kompli ispirana biex inżommu qrib tiegħek, f’ubbidjenza sempliċi. Tħalliniex niġru quddiemek, u lanqas maġenbek, iżda nsusu biss warajk, ħalli nressqu l-bnedmin lejk. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...