Skip to main content

Saħħa Fiżika u Spiritwali

“Namarlek taħt ħalfa solenni, fil-preżenża t’Alla u ta’ Kristu Ġesù u tal-anġli magħżulin, sabiex iżżomm dawn l-istruzzjonijiet mingħajr preġudizzji u ma tagħmel xejn bil-favoritiżmu. Tpoġġi jdejk fuq ħadd bl-għaġla, u lanqas tixxierek fi dnubiet ħaddieħor. Żomm lilek innifsek safi. Tixrobx iżjed ilma biss, iżda uża daqsxejn inbid minħabba l-istonku u l-mardijiet spissi tiegħek. Id-dnubiet ta’ xi nies huma pjuttost ovvji, u jmorru quddiemhom għall-ġudizzju; għal xi wħud oħra, dnubiethom isegwuhom wara. Bl-istess mod, l-opri t-tajbin ukoll huma evidenti, u anke dawk li huma xort’ oħra ma jistgħux ikunu moħbijin” (1 Timotju 5:21-25).

Il-priżervazzjoni tas-saħħa fiżika hi wieħed mid-doveri tiegħi, dover li bħad-doveri l-oħra ġieli traskurajt. Daqshekk ieħor wieħed jista’ jmur fl-estrem l-ieħor u jqis saħħtu bħala alla tiegħu. It-triq tan-nofs tiddettali illi teżisti moralità fiżika, bħalma hemm moralità spiritwali, avolja xi wħud donnhom jaġixxu inkonxji ta’ dawn ir-realtajiet. Minħabba f’hekk Pawlu jagħti parir lill-kollega tiegħu biex jieħu ħsieb saħħtu. 

La naffordjaw ninsew li qed ngħammru f’ġisem u lanqas mhu lant nikkonsidrawh bħallikieku kollox. Jingħad li s-saħħa hi l-ikbar fost il-possedimenti kollha. “L-aqwa li b’saħħitna,” jgħidulek. Ċabattin pallidu aħjar minn sultan marid, jirraġunaw. Is-saħħa hi barka tremenda, ovvjament – bl-eċċezzjoni tal-mard, għax bil-mard nitgħallmu ħwejjeġ li altrimenti jibqgħu mistura minna. Il-mard ma nfittxuhx. Meta jżurna, però, Missierna kapaċi jaqilbu għall-avvanz ħolistiku tagħna. 

Frattant tajjeb ninkludu l-ingredjenti komuni għas-saħħa u għomor twil, ċoè, l-arja safja, ansjetà mill-inqas, temperanza f’kollox, u ħidma fejjieda. Din tal-aħħar importanti. Bħalma magna tissaddad jekk ma tiffunzjonax regolarment, hekk ġisimna jitherra jekk ma nħaddmuhx, anke b’taħriġ sportiv, u moħħna nġebbduh sal-limiti tiegħu. 

Mixja kuljum jgħidu tagħmel bagatella ġid; xejn xejn titgħallem tosserva affarijiet interessanti li altrimenti jaħarbu mill-attenzjoni tiegħek. M’hemm ebda mogħdija rjali biex tipproteġi saħħtek, ħlief billi ssegwi d-dettami tas-sens komun. Imma meta l-mira tiegħek tkun illi ssir persuna eċċellenti, skont il-ħidma tal-grazzja fik, tkun diġà qed tutilizza l-aħjar preskrizzjoni biex iżżomm moħħ san f’ġisem san.

Talba: “Mulej, sew jekk għandi saħħa dgħajfa jew qawwija, irrid inħobbok b’saħħti kollha. Kulma tagħnini bih jien nixtieq illi nroddulek lura, biex inkun tabilħaqq sagrifiċċju ħaj li jogħġbok, filwaqt li nroddlok ħajr talli sostnejtni matul is-snin. Infaħħrek għall-fedeltà tiegħek lejja; tabilħaqq hi ġdida kull filgħodu. U l-ħniniet tiegħek ma jonqsu qatt! Iġġeddidhomli kull filgħodu. Int sehmi, u allura nittama fik dejjem. Ħalleluja!” 

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...