Skip to main content

Bil-Ħlewwa Jew Bil-Ħatar?

“Issa nitolbu ’l Alla biex ma tagħmlu ebda ħażen. Mhux sabiex aħna nidhru bħala approvati, iżda sabiex intom tagħmlu s-sewwa, u dan avolja aħna nkunu nidhru bħala diżapprovati. Għax ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, iżda biss favur il-verità. Nifirħu kull meta aħna nfusna dgħajfin imma intom setgħanin; u dan nitolbu, għall-perfezzjonament tagħkom. Minħabba f’hekk qed nikteb dawn il-ħwejjeġ meta jien assenti, sabiex meta nkun preżenti ma jkollix għalfejn nittratta magħkom severament, skont l-awtorità li s-Sid tani għall-edifikazzjoni u mhux għad-demolizzjoni tagħkom. Finalment, l-aħwa, ifirħu. Immiraw għall-perfezzjoni, isimgħu mill-appell tiegħi, kunu fehma waħda, għixu fis-sliem. U Alla tal-imħabba u tas-sliem se jkun magħkom. Sellmu ’l xulxin b’bewsa qaddisa. Isellu għalikom il-qaddisin kollha. Il-grazzja tas-Sid Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka tal-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Korintin 13:7-14).

Mexxej fi knisja għandu awtorità reali u huwa mistenni minnu li jħaddimha meta meħtieġ. Imma l-imħabba timmotivana lkoll biex ninqdew bil-ħlewwa, bil-ġentilezza u l-persważjoni raġunevoli aktarx milli azzjoni drastika li pjuttost tweġġa’ u tinżel morra ma’ ħafna. Elija kien kuraġġjuż, bla moderazzjoni; Eli kien moderat ma’ wliedu Ħofni u Fineħas (ma ċanfarhomx iebes meta kien hemm bżonn). Il-linja medjana jurihielna Ġesù Kristu: qlubija b’moderazzjoni. Pawlu tgħallem ikun moderat filwaqt li l-kuraġġ qatt ma naqsu biex jittratta l-għaqqux li jinqala’. Mexxejja bħalu huma valutati. 

Naraw kif filwaqt li jafferma l-awtorità tiegħu jippreferi l-mogħdija tenera, temperata, ġentili, għalkemm l-għażla ta’ x’jadotta tibqa’ f’idejn il-knisja. Juża espressjonijiet diversi ta’ moderazzjoni, indulġenza, tenerezza u manswetudni. Jippreferi jidher skwalifikat hu nnifsu, imbasta l-Korintin jindmu. It-talb sikwit huwa s-soluzzjoni ta’ dilemmi li altrimenti ma jkunx hemm soluzzjoni għalihom. Alla huwa l-qorti finali tal-appell tagħna, għalkemm it-talb ma jagħtina ebda skuża għall-passività. 

Pawlu jaf il-limiti imposti fuqu, u ma jażżardax imur ’l hemm minnhom: kull azzjoni tiegħu tippromwovi l-verità tal-evanġelju; kull pass li jieħu bil-għan li l-knisja tkun imsaħħa. Dal-prinċipju kien mgħerreq sew fih. Ħasra li xi mexxejja tal-knejjes li ġew wara ttrasgredew dil-linja ta’ moderazzjoni, u nqdew bl-awtorità tagħhom biex jgħakksu flok jaġevolaw il-poplu t’Alla. Għalih is-saħħa u l-kompletezza tal-fidili kienet prijorità, akkost li jkun dgħajjef hu. Jittratta magħhom bi spirtu ta’ patrijott għas-saltna t’Alla: ħa jkun tellief hu, l-aqwa li l-knisja tkun rebbieħa. Jeżisti għall-knisja, mhux il-knisja teżisti għalih. X’attitudni eċċellenti! X’każ ta’ emulazzjoni joffrielna!

Mill-aktar fis possibbli jrid li l-iżgangat jissoda u l-imgħawweġ jiddritta. Jippreferi ma jkollux għalfejn ixejjer il-ħatar tad-dixxiplina. Jekk l-ulied jaslu biex jirranġaw waħidhom, mingħajr indħil mill-ġenituri, tant l-aħjar! Jerġa’, l-ulied aħjar tfehimhom bil-kelma t-tajba milli bis-sawt. Imma jekk ma jridux jifhmu, x’alternattiva jkun fadal? Ebda missier ma jieħu pjaċir isawwat, anzi, is-sawt ixarrbu bid-dmugħ tiegħu stess biex iweġġa’ inqas. Amor vincit omnia – l-imħabba dejjem tirbaħ.

Talba: “Ħa nkunu imitaturi tiegħek, Mulej ħanin. Ikkonvinċina illi l-eżortazzjoni, l-appell, it-traħħim u r-rikjesta, preżentati urġentement u jaħarqu, għandhom ħabta jolqtu l-kuxjenza aktar minn leġislazzjoni riġida, inflessibbli u tirannika. Qawwina biex inkunu kapaċi nitbaxxew ħa nwieżnu lill-oħrajn. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...