Skip to main content

Mexxini Int

“Ħa jroddu glorja lill-Mulej, u jxandru tifħiru fil-gżejjer! Il-Mulej joħroġ bħal eroj, iqajjem il-ħeġġa kollha tiegħu bħal gwerrier; jgħolli leħnu, iva, jgħajjat bis-saħħa, jegħleb lill-għedewwa tiegħu. Għal żmien twil bqajt ħiemed; skitt u trażżant; issa ngħajjat bħal mara fil-ħlas; nilheġ u nonfoħ f’daqqa. Nagħmel ħerba muntanji u għoljiet, u nnixxef il-ħdura kollha tagħhom; u nagħmel ix-xmajjar art niexfa, u l-għadajjar innixxifhom. U nġib l-għomja minn triq li ma jafuhiex; ngħaddihom minn mogħdijiet li ma jafuhomx, u t-toroq mgħawġin nagħmilhom dritti. Dawn il-ħwejjeġ nagħmilhom, u ma nitlaqhomx” (Isaija 42:12-16). 

Aħseb dwar Jaħwe glorjuż, kif jagħmilha ta’ gwida għall-għomja! Kemm kapaċi jitbaxxa lejn il-ħlejjaq tiegħu! X’kondixxendenza meraviljuża din! 

Raġel għama mhux kapaċi jsib triq li mhuwiex familjari magħha. Anke meta jkun jaf it-triq, diffiċli għalih jaqsamha; iżda triq li ma jafhiex qatt ma jażżarda jirfes fuqha. Min-natura, aħna wkoll għomjin fejn tidħol triq is-salvazzjoni. Madankollu l-Mulej imexxina fiha, iwassalna għandu u mbagħad jiftħilna għajnejna. Rigward il-futur, kollha kemm aħna ninsabu għomja, u m’aħniex kapaċi naraw x’se jiġri minn siegħa qabel. Iżda l-Mulej Ġesù jmexxina sa tmiem il-vjaġġ. Jeħodha f’idejh biex jassiguralna tmiem feliċi.

Ma nistgħux inbassru b’liema mod se jaslilna l-ħelsien. Il-Mulej jaf, u jmexxina sakemm inkunu ħrabna minn kull periklu. Henjin dawk li jpoġġu idhom f’id il-gwida tas-sema, u jċedu lilhom infushom totalment għat-tmexxija tiegħu. 

Iwassalhom sat-tmiem; u meta jeħodhom id-dar u jiftħilhom għajnejhom biex jaraw minn xiex għaddihom, x’għanja ta’ gratitudni jgħannu lill-benefattur kbir tagħhom! B’liema timenza u b’liema riverenza jagħtuh qima!

Talba: “Mexxi lil iben ċkejken tiegħek illum, Missier smewwieti, għax ma nafx fejn se naqbad nimxi! Jekk taqbadli idi nħossni sikur. Jekk terfagħni fi ħdanek, itellagħni l-Ġenna minn issa stess! Int taf x’inhu l-aħjar għalija. Frattant inroddlok ħajr tallli Kelmtek dejjem isservini bħala dawl għal riġlejja u musbieħ għall-mogħdija tiegħi.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...