Skip to main content

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4). 

Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom. 

Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti jintervieni. Mhuwiex limitat fl-għerf, fis-setgħa jew it-tjieba; għandu kull perfezzjoni fih innifsu. Jgħammar fis-smewwiet, frattant mhux distakkat minn uliedu. Alla hu ġentili daqskemm hu glorjuż.

Xorta waħda ma jaqbilx ninsew li, għalkemm nistgħu nipproponu ħwejjeġ sbieħ u komdi għalina nfusna, huwa l-Mulej li jiddisponi minna. Aħna qaddejja tiegħu, mhux is-sidien tagħna nfusna. Jaf jeħlisna (u jmissna nkunu konfidenti fih), imma ma jgħidilniex meta.

Allura l-mira tagħna hu dejjem illi nogħġbuh, bħas-seftura li bla protesti u bla ma tippilla, taġixxi skont l-ordni ta’ sidtha. Ir-rieda tas-Suprem tgħodd, mhux tagħna. Hekk inkunu qed nagħtu evidenza li qed inserrħu fuq il-protezzjoni tiegħu aktarx milli fuq id-driegħ tal-laħam. 

“Sakemm ikollu ħniena minna.” Ċert li Alla mhux se jfallih jew jiddiżappuntah! Imma t-tiġriba tista’ tieħu fit-tul, aktar milli naħsbu. Preminentement is-salmista jixtieq ħniena minn fuq, il-balzmu veru, mhux alternattivi rħas li jinxtraw mill-vetrini tad-dinja. Fost il-midinbin, anke jekk huma midinbin niedma, l-appell għall-ħniena u l-għajta għall-grazzja qatt ma jistonaw. Sakemm indumu f’dil-ħajja qajla nistgħu nagħmlu aktar progress mit-talba tal-pubblikan. Huma x’inhuma l-ġerħiet u s-swat tal-knisja, il-miżerikordja tal-Missier hi rimedju sovran.

Il-fidili huma sikwit mgħajra u ditestati. Huma diżgustanti f’għajnejn id-dinja. Iwaħħlu tikketti fuqhom bħal “tas-setta.” Fil-provi severi tagħna, miġjuba fuqna minn bnedmin bħalna, nistgħu ndawru qalbna lejn Alla. Mill-istmellija ta’ nies mortali, naħarbu għall-kenn fil-ħniena u l-grazzja tas-Sultan etern, immortali u inviżibbli. Din fidi fil-prattika! 

Talba: “Jekk u meta jien nissejjaħ għal sofferenza mentali, Missier, aktar minn qatt qabel nerfa’ għajnejja lejk, il-Pussessur tas-sema u l-art. Impossibbli nġorr toqol hekk taħħani bis-saħħa sempliċement umana. Sostnini int, għax jien nixtieq inħobbok bil-fakoltajiet kollha tiegħi, mhux biss meta faċli iżda wisq iżjed meta l-isfida tkun waħħaxija. Dan nitlobulhek għall-ġieħ ta’ Ibnek, u f’ismu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...