Skip to main content

Il-Bniedem Kbir?

“Imbagħad deherlu anġlu tas-Sid, wieqaf fuq il-lemin tal-artal tal-inċens. Malli rah, Żakkarija kien iddisturbat u qabdu l-biża’. Imma l-anġlu qallu, ‘Tibżax, Żakkarija, għaliex il-petizzjoni tiegħek instemgħet, u martek Eliżabetta se tilidlek iben, u int issejjaħ ismu Ġwanni. Bih ikollok ferħ u eżultanza, u ħafna se jifirħu bi twelidu. Għax se jkun kbir f’għajnejn is-Sid, u qatt m’għandu jixrob inbid jew likur ieħor. Għad ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu mqar meta jkun għadu f’ġuf ommu. Hu se jdawwar ħafna minn ulied Iżrael lejn is-Sid Alla tagħhom. Huwa dan li se jmur quddiemu fl-ispirtu u s-setgħa t’Elija, biex ‘idawwar qlub il-missirijiet lejn it-tfal,’ u d-diżubbidjenti għall-għerf tal-ġusti, ħalli hekk jipprepara għas-Sid nies imħejjija’” (Luqa 1:11-17).

Il-kobor tal-bniedem jitkejjel fir-rieda tiegħu illi jibqa’ fiċ-ċkunija tiegħu; ikun lest jonqos biex jikber Sidu fl-istima tan-nies. Xi persuni tlaqqmu bit-titlu ta’ kbir: Alessandru l-Kbir, Katerina l-Kbira, Erodi l-Kbir. Imma ħadd mhu leġittimament kbir jekk mhuwiex twajjeb. Trid tkun kbir fil-virtù biex tkun tabilħaqq kbir, altrimenti t-titlu tiegħek jservi aktar ta’ tmasħir milli indikazzjoni ta’ xi preġju mixtieq. 

Apparti r-rabta u s-sottomissjoni tiegħu lejn Sidu, il-pedament essenzjali, il-bniedem kbir jingħaraf mill-ġenerożità fl-intenzjoni tiegħu, is-sensittività lejn sħabu l-bnedmin fl-eżekuzzjoni tal-pjan, u finalment il-moderazzjoni tiegħu fis-suċċess. Ma jitlifx rasu fl-arroganza jew jistaħba wara umiltà falza. Hu kbir għax rebaħ fuqu nnifsu billi ħalla lis-Sid Suprem itaħħtu għas-servizz tiegħu. Il-kobor tiegħu jikkonsisti mhux billi jkun setgħan, imma fl-użu xieraq ta’ setgħetu. Fl-aħħar mill-aħħar mhijiex setgħetu per se, imma poter spiritwali investit fih. 

Il-bniedem ma jitwilidx kbir imma jista’ jsir kbir. Dan iwettqu eżattament fil-grad li bih jirsisti għall-benesseri u l-avvanz tal-ġens uman, ċoè jservi lill-ġirien immedjati tiegħu. Jista’ jagħti l-każ li qatt ma ttawwal mir-raħal tiegħu ’l barra, u xorta waħda jikseb isem ta’ kobor. Għax il-kobor huwa wkoll ta’ dak id-dudu tal-ħarir, insinifikanti u sieket, li jagħmel xogħlu minn mument għall-ieħor u minn siegħa għall-oħra, bla ma jiġbed l-attenzjoni tal-ġurnalisti u bla ma jissemma fil-kronaka. 

Meta nidentifikaw ruħna ma’ kawża kbira, neċessarjament niżviluppaw dik il-laqta ta’ kobor veru. M’hemm ebda kawża ikbar milli nistinkaw biex tiġi stabbilita s-saltna ta’ Kristu fuq l-art, ċoè, il-gvern ruħani tiegħu fi qlub in-nies, fil-ġustizzja, fil-ferħ u s-sliem. Għat-twettiq ta’ aġenda bħal din qalbna tkun imkebbsa, imsaħħna b’fervur ispirat mill-verità. Impenn kajman ma jwassal imkien, u ebda proġett kbir ma jseħħ mingħajr entużjażmu. 

Talba: “Mulej Ġesù, agħmel illi jkollna l-istess mira tal-Battista, meta qal, ‘Hu jeħtieġ jikber imma jien jeħtieġli nonqos.’ Int il-preminenti; aħna sempliċement servi tiegħek. Għax meta tabilħaqq inservu nkunu kbar f’għajnejk, u dan ikun biżżejjed għalina. Ħa nkunu kuntenti fir-rwol li tajtna x’inwettqu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...