Skip to main content

Il-Misterju tal-Providenza

“Kif kien għadu qiegħed jitkellem, ġie ieħor ukoll, u qal: ‘Is-subien u l-bniet tiegħek kienu jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir, u ara, qam riħ qawwi mid-deżert, u ħabat mal-erba’ rkieni tad-dar, u waqgħet fuq iż-żgħażagħ, u mietu, u ħlist jien waħdi biex ngħidlek. Qam imbagħad Ġobb u ċarrat il-mantar tiegħu, u qarweż rasu, u miel sal-art u ta qima. U qal: ‘Għeri ħriġt minn ġuf ommi, u għeri nerġa’ mmur hemm; il-Mulej ta u l-Mulej ħa. Imbierek ikun isem il-Mulej.’ F'dan kollu ma dinibx, u ma qalx kliem iblah fuq Alla” (Ġobb 1:18-22).

Il-prosperità materjali mhi ebda prova tal-favur divin fuqna. Dan insostnuh f’oppożizzjoni għal dawk li, bħall-Fariżej ta’ dari, iħobbu jkejlu l-favur t’Alla skont kemm għandhom ġid maħżun, skont kemm igawdu saħħa fiżika, u skont kemm huma skansati minn inċidenti gravi u ħwejjeġ negattivi bħal dawn. 

Ħadd minna ma jista’ jkun jaf x’hemm f'qalb Alla lejh billi jistudja idu, x’inhi tagħtih u x’inhi tiċħadlu. Idu tal-ħniena tista’ tkun favorevoli lejn l-individwu mentri qalbu tkun kontrih, bħalma faċilment naraw fir-rakkont dwar Sawl, l-ewwel sultan fuq l-Ebrej. 

Mill-banda l-oħra, l-id t’Alla tista’ tkun mimduda kontra l-bniedem filwaqt li f’qalbu jkun miżmum għażiż u sikur. L-istorja ta’ Ġobb tikkonvinċina kemm dan jista’ jseħħ, anke fil-każ tagħna. Il-patrijarka safa bla familja, bla beni u bhejjem, priv mis-saħħa fiżika, u miġugħ. Iżda – bla ma kien jaf – is-siġill tal-approvazzjoni divina kien fuqu. Alla kellu ħsibijiet ta’ grazzja u ħniena lejh. Apparentement kien kontrih; fir-realtà kien favorih. 

Intenni, m’aħniex mistennija li ninterpretaw l-imħabba jew l-avversità t’Alla lejna mit-trattamenti esterni tiegħu magħna, skont jekk jibgħathilniex tajba jew le. Is-saħħa u l-mard, faqar u għana, jistgħu jiġu fuq kulħadd indiskriminatament (kif jidher f’għajnejna), kemm fuq il-ġusti kif ukoll l-inġusti. It-trasgressuri u d-devoti jintlaqtu minn traġedji; meta jiġġarraf ajruplan jaqa’ b’nies mitlufa u nies salvati fuqu. Meta jiffonda bastiment jista’ jegħreq b’ekwipaġġ u passiġġieri Kristjani u mhumiex, ħallata ballata. 

Frattant insostnu illi Alla ċertament jaf jiddiskrimina bejn il-maħbubin tiegħu u r-reprobati. Ħaġa waħda nżommu f’moħħna: mill-qoxra esterna u miċ-ċirkostanzi esterni impossibbli ninterpretaw l-atteġġjament t’Alla lejna, jekk hux wieħed ta’ approvazzjoni jew roftiment.

Talba: “Sid sovran, tħalliniex niġġudikaw kif jaraw għajnejna. Int kapaċi tħallina bil-ġuħ fiżikament u xxebbagħna bil-manna tas-sema; int kapaċi tħallina għarwenin u frattant tlibbisna bil-ġustizzja ta’ Ibnek; int kapaċi tmarradna u fl-istess ħin inkunu setgħanin fil-grazzja tiegħek. Ħa nagħrfu illi kollox hu mingħandek; ħudilna u agħtina skont l-għerf inskrutabbli tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...