Skip to main content

Alla tal-Filosfi?

“Il-predikatur fittex li jsib kliem li jogħġob, u dak li nkiteb inkiteb bir-reqqa u bis-sewwa. Kliem l-għorrief hu bħal niggiżiet, u bħal imsiemer imwaħħlin tajjeb hi l-ġabra ta’ sentenzi mogħtijin minn ragħaj wieħed. Mill-bqija, ibni, iftaħ għajnejk: għall-kitba ta’ ħafna kotba m’hemmx tmiem, u ħafna studju hu taħbit għall-ġisem. Il-konklużjoni, wara li kollox instema’, hi: ibża’ minn Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax dan hu d-dmir ta’ kull bniedem. Għax Alla jagħmel ħaqq minn kulma jsir, minn kull ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina” (Ekkleżjażti 12:10-14). 

Voltaire jgħid illi kieku Alla ma jeżistix ikun neċessarju nivvintawh. Ma nafx f’liema kuntest qalha, imma m’għandix għalfejn nistaqsi għalih. Probabbilment qalha biex iwaqqa’ – mingħalih – ’l Alla li ħalqu għaż-żufjett, avolja meta nqabad f’maltempata twerwer u appella ’l Alla biex jagħtih is-sokkors tiegħu. 

Nies kontradittorji bħalu kienu u jibqgħu jħufu mas-saqajn, skuntenti għax mhumiex Alla, u bl-inkonsistenzi tagħhom aktar niddubita eżistewx huma milli Alla li provaw jitturufnaw mill-kuxjenza tagħhom, xi ħaġa li wieħed diffiċilment jagħmilha, għax il-verità terġa’ titfaċċa – bħal meta tqaċċat siġra, xorta waħda terġa’ tarmi r-refgħan tagħha. 

Is-sitwazzjoni hi kurjuża tabilħaqq. Individwi li b’żelu u impenn ifittxu ’l Alla jagħtu evidenza li hu hemm, imma daqshekk ieħor l-għama ta’ dawk li jwarrbuh ukoll jitkellem volumi sħaħ favur l-eżistenza tal-enti divin, li aħna nafuh bħala Missier Sidna Ġesù, u allura Missierna smewwieti. 

Descartes, daparti tiegħu, jitkellem dwar l-idea neċessarja tagħna dwar Alla. Jgħid li din timplika l-eżistenza tiegħu. Dak li beda biex iddubita kollox jasal għall-konklużjoni ovvja, skont hu, li Alla tabilħaqq jeżisti. Attwalment, m’hemm ebda kreatura, tant ċkejkna u despikabbli, illi ma timmanifestax b’xi mod jew ieħor is-sapjenza u l-bontà divina.

Imma l-istabbiltà tagħna mhix imsejsa fuq l-argumentazzjoni filosofika. Alla mhuwiex Alla ta’ Aristotile, Descartes jew Kant, imma Alla tal-profeti u l-appostli tiegħu, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb – Alla li realment u meraviljożament jidħol f’kuntatt magħna. Aktar minn hekk, jintrabat b’patt reali ma’ nies tad-demm u l-laħam bħalna.

Sikwit huwa biss fis-silenzju illi Alla jgħarrafna lilu nnifsu, u jiddikjaralna lil ismu permezz ta’ misterji ineffabbli – fuq kollox, bl-irxoxt ta’ Ibnu Ġesù, fatt storiku li jmur oltre minn kull xjenza u loġika umana. Il-fatt patenti hu, ma nistgħux nikkontienu lil Alla. Għall-kuntrarju, “fih ngħixu u nitħarrku u neżistu” (Atti 17:28). L-eżistenza tagħna tiddependi għalkollox u f’kull waqt fuqu. 

Kemm hu redikolu l-ħsieb, mela, li nfittxu prova tal-eżistenza tiegħu, bħallikieku sempliċi nifs ifittex prova tal-individwu li minnu ħareġ. Flok nilagħbuha t’allat, jaqblilna nsibu postna u nagħtu qima lill-Omnipotenti, “għax minnu u permezz tiegħu u għalih huma l-ħwejjeġ kollha. Lilu l-glorja għal dejjem! Ammen” (Rumani 11:36). 

Għadu t’Alla, impliċitament jew espliċitament, qatt ma kien ħabib veru tal-bnedmin. Mill-banda l-oħra, fidi f’Alla l-imbierek hi l-pedament stabbli għal kull ordni soċjali u kull azzjoni responsabbli fuq l-art.

Talba: “Mulej Alla tagħna, għalik m’hemmx għoli jew fond, m’hemmx jum jew lejl, m’hemmx żgħir jew kbir. Int timla, tgħaqqad u ssostni kollox. Tiggverna bl-għerf u t-tjieba tiegħek, u għaldaqstant imissna nwettqu l-volontà tiegħek bil-għaqal, għax dan hu dmirna. Titlaqniex waħidna; wettaqna bl-Ispirtu tiegħek, li int tajtna bil-mertu ta’ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...