Skip to main content

Kobor fil-Fidi

“Għaldaqstant, saħħu l-idejn debboli u l-irkopptejn mitluqa u ‘agħmlu mogħdijiet dritti għal saqajkom,’ sabiex iz-zopp ma jisfax inkapaċitat imma aktarx jitfejjaq. Agħmlu kull sforz biex iżżommu s-sliem ma’ kulħadd, u għall-qdusija, li mingħajrha ħadd mhu se jara s-Sid. Oqogħdu attenti ħalli ma jkunx hemm xi ħadd li jonqos mill-grazzja t’Alla, li ma jkunx hemm xi għerq ta’ mrar li jisponta ’l fuq biex jiffastidjakom u b’dan ikunu kkontaminati l-ħafna. Ħsiebkom hemm li ma jkunx hemm xi fornikatur jew profan bħal Għeżaw, li għal ikla waħda biegħ l-primoġenitura tiegħu. Tafu illi wara, meta xtaq jiret il-barka, kien irroftat, għax ma sabx ċans għall-indiema, għad li fittixha bid-dmugħ” (Ebrej 12:12-17).

Biex inkompli nissaħħaħ fil-fiduċja tiegħi fil-Mulej, irid ikolli l-ambizzjoni għas-santifikazzjoni, u t-tfittxija tagħha. Lhud 11 jilħaq il-klajmaks u l-applikazzjoni tiegħu f’kapitlu 12:1: “Immela aħna, billi għandna mdawra madwarna sħaba daqshekk kbira ta’ xhieda, ħa nwarrbu kull xkiel u d-dnub tant faċilment fixkieli, u ħa niġru bil-perseveranza t-tellieqa mqiegħda quddiemna.” 

Fidi u qdusija, mela, huma abbinati flimkien, u jseddqu lil xulxin. Il-fidi ma tistax tiffjorixxi fija jekk it-taqbida kontra d-dnub personali mhix kondotta bir-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tiegħi. Il-mortifikazzjoni tal-vizzju u l-vivifikazzjoni tal-virtù jmorru id f’id. Meta ninsa jew nittraskura l-vokazzjoni tiegħi għall-qdusija, il-fidi titgħaxxex. Nidentifika d-dnub, nindem minnu (mhux ġeneralment, imma speċifikament), u nwiegħed lill-Mulej li se nissielet biex neqred il-fdal tal-ħażen fija. Il-mixja tiegħi suppost hi waħda fl-imħabba, fid-dawl, fid-dehen u b’kull ċirkuspezzjoni. 

Fattur ieħor biex nikber fil-fidi huwa dan: nirrispetta l-Providenza divina. Dejjem hemm pjan u skop għal ulied Alla. Ebda avveniment mhu superfluwu. Jekk inħares lejja nnifsi bħala sufrun f’wiċċ l-ilma, jixxejjer bl-addoċċ, inkun virtwalment irmejt il-fakoltà tal-fidi. Alla hu s-suprintendent ta’ ħajjitna. Jekk nagħraf dan, flok qrusa, uġigħ u frustrazzjoni, qalbi timtela b’timenza u ammirazzjoni lejn il-Feddej tiegħi.

Irrid ukoll inrawwem fija perspettiva altruwista, aktarx milli ‘Jien hu Alla Sidi.’ Id-direttiva hi ċara: “Kull wieħed m’għandux iħares lejn l-interessi tiegħu nnifsu biss, iżda wkoll lejn l-interessi tal-oħrajn” (Filippin 2:4). Jekk ma nadattahiex bħala r-regola tiegħi nkun ssoprimejt il-fidi attiva tiegħi fir-rieda rivelata t’Alla għalija. Nagħti, flok sempliċement ħsiebi biex nirċievi. Naqdi, inħobb, għax hekk insir nixbah l-aktar lil Ġesù, u allura inevitabbilment nimmatura fil-fidi. 

Talba: “Sinjur Alla, niddependi fuqek għat-tisħiħ u l-effettività. Fakkarni dejjem illi l-qima tiegħi trid tkun tinvolvi l-fakoltajiet kollha, inkluż il-ħsieb. Kwalunkwe prinċipju li nsib fl-Iskrittura għallimni nieħdu bis-serjetà u impenn. Seddaqni biex neżerċita dixxiplina fuqi nnifsi, ħalli nagħmel progress fil-fidi. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...