Skip to main content

Il-Ġustizzja u l-Grazzja

“Kif hu miktub: ‘Ħabbejt lil Ġakobb, imma bgħadt lil Għeżaw.’ X’se ngħidu mela? Jaqaw hemm l-inġustizzja m’Alla? Xejn affattu! Għax jgħid lil Mosè: ‘Se nħenn għal min inħenn u se nagħder lil min nagħder.’ Hekk mela ma jiddependix mir-rieda jew l-isforz uman, iżda minn Alla li jħenn. Għax l-Iskrittura tgħid lill-Faragħun: ‘Għal dan l-istess għan tajtek il-poter, ħalli niddimostra setgħeti fik u ħalli ismi jkun proklamat fl-art kollha.’ Hekk mela Alla jħenn għal min irid, imma ’l min irid iwebbsu” (Rumani 9:13-18).

Diffiċli nissuperaw din il-preżentazzjoni ta’ grazzja divina! X’meravilja inkredibbli! Minn falluta, il-grazzja tirrendi r-ruħ sinjura; minn korrotta, sana; minn detestabbli, attraenti; minn kerha, sabiħa; minn maħmuġa, safja; minn avversiva għal Alla, f’intimità miegħu; minn aljenata, rikonċiljata; minn ikkundannata, ġustifikata; minn profana, qaddisa; minn mormija, milqugħa fil-Maħbub. 

Alla hu grazzjuż magħna għax jogħġbu jkun grazzjuż – ebda raġuni oħra. Hu stess iddikjara: “Se nħenn għal min inħenn u se nagħder lil min nagħder.” Min-natura tiegħu stess jagħtina dak li ma ħaqqniex, ċoè, il-maħfra u l-ħajja eterna, il-liberazzjoni mill-jasar u l-kundanna tad-dnub. Dawk li ma fettxewx lil Alla, Alla ppreżentalhom lilu nnifsu. Nies illi ma kinux semgħu bih, issa jithennew bih. 

Il-ġustizzja hija naturali u mistennija; il-grazzja hi sopranaturali u sorprendenti. Dawk li ħadmu siegħa jitħallsu daqs dawk li stinkaw il-jum kollu. Alla hu neċessarjament ġust ma’ kulħadd, u ġeneruż bl-irfus ma’ xi wħud, hekk li tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar l-ewwel. Jekk nipprotestaw għal dan l-aġir divin inkunu qed ninkixfu kemm għadna fjakki fil-fehma tagħna dwar l-operazzjoni tal-grazzja. 

Il-grazzja smewwitija twassalna biex nesprimu l-armonija ġewwiena tar-ruħ, issa miġjuba f’xirka reali m’Alla. Għalhekk ħa nikkoltivaw kull virtù, għax kulma hu virtuż hu wild il-grazzja, u kull azzjoni grazzjuża tagħna hi virtuża. 

Speċjalment issa aħna l-milħuqin bil-grazzja rridu nsiru konoxxituri fil-gratitudni. Għax Alla għandu żewġ għamajjar: waħda fis-smewwiet, u l-oħra f’qalb rikonoxxenti, li tagħraf u tiftakar fil-ħniniet tiegħu. Il-gratitudni hi sens vivaċi ta’ favuri futuri, ċoè, biha wieħed jammira l-wirja mgħoddija tal-grazzja, u allura din isservih ta’ garanzija konkreta għall-ġejjieni. 

Talba: “O Alla omnipotenti, Missier ta’ kull grazzja, int ma tabbandunax fina ħidmietek stess. Imqar il-ħsieb mistur ta’ gratitudni lejk tgħoddu bħala rikjesta għal favuri akbar, biex fejn qabel kellna l-irxiex, issa nixxarbu għasra bil-miżerikordja fidila tiegħek. Aħna fiduċjużi: la bdejt tiffavorina f’Ibnek, ma tiħux lura l-għotjiet tiegħek. Inroddulek ħajr!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...