Skip to main content

Il-Korla

“Min jagħdab malajr jagħmel bluhat, u bniedem ta’ ħsibijiet ħżiena hu mibgħud. Min ma jagħdabx malajr għandu dehen kbir, iżda min jisħon malajr juri l-bluha tiegħu. Il-favur tas-sultan hu għall-qaddej għaqli, iżda għadbu għal min jagħmel għajb. Raġel mgħaddab ixewwex il-ġlied, iżda min ma jagħdabx malajr isikket it-tilwim. Titħabbibx ma’ min jitmasħan, u la timxix ma’ min jagħdab” (Proverbji 14:17,29,35; 15:18; 22:24).

Ir-rabja hi passjoni tal-moħħ li taf tnissel uġigħ akut. Titqanqal prattikament fina lkoll, xi darba xi oħra. Hi provokata meta tirċievi azzjoni ħażina, jew theddida, inkella tħossok inġurjat (sew jekk għandek raġun jew le). Mar-rabja jkun hemm l-għan li tikkastiga, tpattiha jew tamenda s-sitwazzjoni. 

Mhux kull tip ta’ rabja hi midinba. Fiha nfisha hi waħda mill-emozzjonijiet li aħna fornuti bihom bħala bnedmin. Ġesù nnifsu ġieli rrabja. Ir-rabja kienet maħsuba mill-Awtur tan-natura umana tagħna għad-difiża tagħna nfusna. Mhix bilfors passjoni egoistika, għax sikwit ir-rabja hi eċċitata fina bil-ħsara li jsofri ħaddieħor. Pereżempju, wieħed li jagħder u jħenn jista’ jirrabja meta jikkonsidra l-miżerja tal-foqra, il-batuti, l-oppressati u l-isfruttati (kif inhuma stmati l-klandestini, il-prostituti u l-orfni). 

Il-korla hi emozzjoni bil-għan li timmobilizza l-forza fina nfusna biex nattakkaw xi sitwazzjoni avversiva. Alla wkoll jaf jirrabja! Jirrabja kontra d-dnub u kull forma ta’ ħażen. Ma jibqax passiv quddiemu. 

Kultant ir-rabja tqanqalna biex nerġgħu nikklejmjaw lura nies li jkunu waqgħu fid-dnub jew fil-periklu. Però noqogħdu attenti, għax ir-rabja faċilment tista’ ssir midinba. Hi kontra r-rieda t’Alla meta r-rabja tkun ir-riżultat tal-kburija, sentimenti mweġġa’, u l-bqija. Is-saħna mhix aċċettabbli meta titqanqal bi provokazzjoni inadegwata. Qatt mhu għaqli tagħmel qorti mix-xejn. Ir-rabja hi kundannabbli meta tiżbokka minna f’azzjonijiet sproporzjonati għas-sitwazzjoni oriġinali. Hija inaċċettabbli wkoll meta titnissel fina bħala reazzjoni għall-okkażżjonijiet trivjali.

Talba: “Missierna, int taf minn xiex aħna magħmulin; taf li aħna trab. Sikwit l-emozzjonijiet tagħna jagħmlu bina u jiżbilanċjawna. Agħtina r-rażna fuqna nfusna biex nieħdu azzjoni xierqa kull meta naffaċċjaw xi diffikultà, problema jew kriżi. Żejjinna bil-prudenza biex nagħrfu naġixxu kif imiss, fil-ħin propizju u bil-metodu adatt.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...