Skip to main content

Tagħrif u Tjieba

“Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja. Issaportu ’l xulxin u aħfru ’l xulxin, jekk xi ħadd għandu lment kontra ħaddieħor; bħalma appuntu ħafrilkom is-Sid, hekk ukoll agħmlu intom. U fuq dawn il-virtujiet kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-armonija perfetta. Ħa jarbitra s-sliem ta’ Kristu fi qlubkom, li għalih tabilħaqq kontu msejħin f’ġisem wieħed. U kunu grati. Ħa tgħammar ġewwa fikom kelmet Kristu bl-għana, tgħallmu u tammonixxu ’l xulxin b’kull għerf, tkantaw salmi, innijiet u kanzunetti spiritwali, b’rikonoxxenza fi qlubkom ’l Alla. U kull ħaġa kwalunkwe li tagħmlu, sew bil-kelma jew inkella fl-att, agħmlu kollox f’isem is-Sid Ġesù, filwaqt li tirringrazzjaw ’l Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kolossin 3:12-17). 

Fil-providenza għarfa u inskrutabbli tiegħu, Alla jqassam il-ġid. Lil min jagħtih ħafna, lil min jagħtih inqas u lil min jagħtih ftit. Iħalli spazju biżżejjed għalina biex neżerċitaw il-karità u l-ħniena mal-proxxmu taħgna. Il-flus importanti. Ċertament, impossibbli naqdu lil Alla u ’ll-flus fl-istess ħin, iżda nista’ naqdi ’l Alla bil-flus. Dan hu u jibqa’ kompitu tagħna n-nies komuni, u speċjalment tas-sinjuri. 

Il-flus għandhom rwol, avolja wieħed limitat. Bil-flus tixtri sodda, imma mhux l-irqad; il-kotba, imma mhux l-intelliġenza; l-ikel, imma mhux l-aptit; dar, imma mhux familja; il-mediċina, imma mhux is-saħħa; it-tratteniment, imma mhux il-kuntentizza; il-ġojjelli, imma mhux il-ġmiel. Iva, tista’ tixtri kurċifiss, imma ma tistax tixtri lis-Salvatur. 

Wieħed Puritan fi żmien Cromwell resaq mal-mejda għall-ikla. Billi l-familja tiegħu, flimkien mal-pajjiż kollu, kienu għaddejja minn żmien imwiegħer, martu kienet ħejjiet biss biċċtejn ħobż u ġarra ilma. 

Kif ra hekk, esklama, “Kif! Dan kollu, u miegħu għandi lil Ġesù Kristu wkoll?” 

Il-virtù, flimkien ma’ perspettiva korretta fuq il-ħajja, isuquna lejn spirtu kuntent. Filwaqt li r-rikkezzi huma żina taħt is-saqaf tagħna, il-virtù tat-tjieba jżejjen l-istess persuna tagħna. Hekk imissna nterrqu, bla ma nintelqu fil-ġenb, bla ma nfekku l-għekiesi, bla ma ninfnew. Inżommu wkoll fil-menti tagħna li għamra tjieba wisq aħjar minn ħemel tagħlim. It-tagħlim għandu jservi biss biex insiru tajbin. U huma biss dawk li jgħixu tajjeb illi jmutu tajjeb. 

Talba: “Mulej u Mgħallem tagħna, Sid irxoxtat, int għarraftna li l-virtù hu aktar importanti mill-ġebbieda tad-demm; hu definittivament in-nobbiltà vera tagħna. Mhux kemm ngħixu fit-tul, imma kemm ngħixu sew jgħodd. Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna ħalli jkollna qalb għarfa u nkunu ta’ benefiċċju għan-nies madwarna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...