Skip to main content

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25).

Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna.

Frattant Alla Trinità jfittex lil dawk li jqimuh fl-ispirtu u skont il-verità. Hu unikament glorjuż, u allura jixraq li l-qejjimin tiegħu jersqu lejh b’timenza, b’reverenza u bil-ferħ. Inqas minn hekk hu despikabbli. Jekk ma nafx numilja lili nnifsi quddiemu, nitbattal minni nnifsi biex nimtela bih, x’tiswa l-attività kollha tiegħi? Mhix aħjar minn salt ħuxlief u għawied. Din hi l-qima vera: kostantement nesprimi l-ħajr, l-imħabba u t-tifħir tiegħi lilu, u nikkonkretizza s-sagrifiċċju ta’ xofftejja b’ubbidjenza istantanja u kompluta, imħawra bl-hena. 

F’dal-qasam faċilment niżvijjaw u mmorru l-baħar. Darba erba’ Kristjani nzertaw iltaqgħu u daħlu f’kafetterija. Intnasbu mal-mejda u d-diskors waqa’ fuq il-vantaġġi u l-iżvtanaġġi tad-diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja għad-dispożizzjoni tagħna llum. “Fl-opinjoni tiegħi l-Verzjoni Awtorizzata hi l-iprem, għax għandha stil sabiħ u mirqum, u tgħinek ħafna fil-memorizzazzjoni.” L-ieħor qabeż u ddefenda l-verżjoni li s-soltu juża hu, “għax tqarreb l-aktar għat-testi oriġinali tal-Grieg u l-Ebrajk.” Sieħbu rrikmanda parafrażi tal-Iskrittura, u qal li din tiftiehem faċilment u tagħmel il-Bibbja kontemporanja. Xħin ir-raba’ wieħed baqa’ sieket, xtaqu jkunu jafu l-preferenza tiegħu. “M’għandix dubju,” qal, “illi fejn tidħol it-traduzzjoni tal-Bibbja, togħġobni l-aħjar dik ta’ missieri. “Liema waħda hi?” xtaqu jkunu jafu. “L-Iskrittura,” weġibhom, “ittraduċieha fl-imġiba tiegħu, jum wara jum. Hi t-traduzzjoni l-aktar ħajja u effettiva li qatt rajt!”

Kemm għadni lura! Le, le, ma rridx inkun bħal dawk li jintilfu fis-sinefiteti, jew dejjem ħawtiela, jiġri l-ġirja sfrenata u frattant ma jottienu xejn. Huma nies fitti, nies fuq il-front ta’ kull moviment, persuni li għandhom ħila jirranġaw id-dinja kollha, imma qatt ma jibbastaw jiddrittaw lilhom infushom. 

Talba: “Tiegħek is-supremazija u s-sebħ u t-tifħir, ja Sid! Int wassaltli kelmtek sa fil-qalb. Agħmel illi jkolli aptitha, u nfittex nirregola mixjieti f’dawlha. Ħa tkun il-volontà tiegħek, kif espressa fil-paġni tal-Iskrittura, l-għaxqa u l-pjaċir ta’ ruħi, f’ġieħ Ibnek, is-Salvatur tiegħi. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...