Skip to main content

Bil-Ħlewwa

“Jien innifsi, Pawlu, nappellalkom f’ġieħ il-manswetudini u l-ġentilezza ta’ Kristu – jien li nkun ‘timidu’ meta wiċċ imb wiċċ fostkom, imma meta assenti ‘kuraġġjuż’ lejkom! Nagħmlilkom petizzjoni ħalli meta nkun preżenti ma jkollix għalfejn inkun kuraġġjuż bil-kunfidenza li biha nipproponi li nissogra naġixxi kontra xi wħud li jqisuna bħala nies li nimxu skont l-istandard ta’ did-dinja. Għax għalkemm ngħixu fid-dinja, ma niggwerrawx kif tagħmel id-dinja. Infatti l-armi tal-iggwerrar tagħna mhumiex karnali, iżda setgħanin b’Alla għad-demolizzjoni ta’ fortizzi. Aħna niddemolixxu argumenti u kull pretensjoni li tintrefa’ ’l fuq kontra t-tagħrif t’Alla, u nikkaptivaw kull ħsieb għall-ubbidjenza ta’ Kristu. U aħna lesti ħalli nikkastigaw kull diżubbidjenza, meta tkun kompluta l-ubbidjenza tagħkom” (2 Korintin 10:1-6). 

Hawn min jidħollok qisu gaffa tal-bini, guffaġni waħdu u rozzaġni ssemmix. Frattant ma nstab xejn aktar segħtan mill-ġentilezza, u xejn daqshekk ġentili mis-setgħa reali. Il-qawl, bil-kelma t-tajba toħroġ il-far mit-toqba, jagħti sens ta’ direzzjoni lil min għandu ħabta jfur għal kull nitfa. Għax anke meta niżbaljaw, il-ġentilezza tikkoreġi kulma hu offensiv fil-manjieri tagħna. 

Nifhem li kultant, f’każijiet kritiċi, twiddiba jew ċanfira fid-dieher hemm postha, imma l-insalata tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħna jaqbel li ngħinuha aktar biż-zejt tal-ġentilezza milli bil-ħall tal-avvertimenti iebsa. Mod wieħed kif id-dixxipli jaħslu saqajn xulxin hu billi jwiddbu jew jirrimproveraw lil xulxin. Imma t-twiddiba ma tridx tkun imkartsa f’diskors mgħaddab, għax altrimenti l-effett jinqered; lanqas fi kliem tant mans illi ma jilħaqx l-effett tiegħu. L-istess bħal meta taħsel saqajn ħuk, ma tużax il-misħun għax tismothomlu, u lanqas ilma friżat għax tkessaħhomlu.

Il-ġentilezza fl-aqwa tagħha hi espressjoni ta’ mħabba. Lill-individwu nkunu qed nuruh li rridu nistmawh dejjem u f’kull ċirkostanza bid-dinjità li tixraqlu, għax avolja x-xbieha t’Alla fih forsi tkun mibruxa jew virtwalment imħassra, xorta waħda jippriżerva fih eku ta’ min ħalqu. U dak l-eku jagħmel id-differenza kollha. Bil-ġentilezza, mela, nagħmluha eħfef għalina nfusna biex ningwalawha ma’ ħaddieħor, anke ma’ nies li jipprovaw jabbużaw minna. 

Biha nuru konsiderazzjoni f’waqtha. Biha nestendu lilna nfusna b’sentimenti teneri, u bi prontezza ta’ simpatija. Sikwit l-aħjar ħaġa li nagħmlu meta għandna ħabibna miġugħ hu li naqsmu l-uġigħ miegħu – inkunu hemm anke meta m’għandna xejn x’noffru ħlief il-preżenza tagħna, u mqar meta l-fatt li aħna preżenti jkiddna u jweġġagħna. Hi l-applikazzjoni tal-imħabba bid-delikatezza li kapaċi trawwem, għax l-imħabba ma taħsibx fiha nfisha, imma tfittex il-konfort u l-faraġ ta’ ħaddieħor. 

Talba: “Ġesù, Mgħallem tagħna, int tistedinna nistrieħu fik għax int ġwejjed u umli f’qalbek. Bil-ġentilezza fil-maturità sħiħa tagħna nkunu qed nesibixxu l-ġmiel ta’ dak il-virtù inkomparabbli, esibit fik, il-manswetudni. Tħalliniex naqgħu lura minn din l-isfida. Bħalek nixtiequ nittrattaw ma’ ħaddieħor hekk li ftila ddaħħan ma nitfuhiex u qasba mġelġla ma niksruhiex.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...