Skip to main content

Siġra Tajba Frott Tajjeb

“Jew tagħmel is-siġra tajba u l-frott tagħha jkun tajjeb, inkella tagħmel is-siġra mħassra u l-frott tagħha jkun imħassar, għax is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Ja nisel il-lifgħat! Kif tistgħu intom, li intom ħżiena, titkellmu ħwejjeġ tajba? Għax mill-kotra tal-qalb jitkellem il-fomm. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb tiegħu joħroġ ħwejjeġ tajba, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena” (Mattew 12:33-35).

Għemejjel ħżiena joqtlu r-ruħ, imma rridu niftakru wkoll li n-nuqqas ta’ għemejjel tajba jmarrduha. B’ebda mod m’aħna nimplikaw li b’xi mod aħna nimmeritaw il-Ġenna minħabba xi opri li għamilna. Xejn affattu! Bl-opra tal-ubbidjenza ta’ Kristu waħdu aħna salvati. Bħalma t-tuffieħa mhijiex il-kawża tas-siġra, iżda l-frott tagħha, hekk ukoll l-opri tajba mhumiex il-kawża tas-salvazzjoni tagħna, iżda sinjal konvinċenti u frott utli tas-salvazzjoni tagħna bil-ħila ta’ Kristu. Mela l-opri tajba huma għemejjel li ħadd mhu salvat minħabba fihom, iżda lanqas mingħajrhom. Il-qaddisin fl-art, li issa saru l-pussess ta’ Sidhom, huma ssiġillati internament bil-fidi, u esternament bl-opri t-tajba. 

Luteru jitkellem hemm fuq is-suġġett: “Jekk u meta l-Kristjan jagħmel l-opri tajba, li bihom juri mħabba mal-proxxmu, b’daqshekk ma jsirx Kristjan, jew ġust; imma l-ewwel nett irid ikun Kristjan u ġust, qabel ma jagħmel l-opri tajba. L-opri tajba ma jagħmlukx Kristjan; is-siġra tipproduċi l-frott, u mhux il-frott lis-siġra. Hekk, mela, ħadd ma jsir Kristjan bl-opri, imma bi Kristu.”

Talba: “Kemm nixtieq, o Missier, illi nkun bħal dik is-siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma, li tirrendi l-frott fl-istaġuni tagħha, u ma jidbielx il-weraq tagħha, hekk illi kulma tagħmel isir ġid. Bik, Mulej, u bil-grazzja operattiva fija, din xewqti tista’ ssir realtà. Issodisfali xewqti, f’isem Ġesù Ibnek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...