Skip to main content

Virtù u Kuntentizza

“Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq il-leminija tiegħek, iżda l-pesta ma tersaqx lejk. Int dan tarah biss b’għajnejk, u tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għamilt il-Mulej il-kenn tiegħek, l-Ogħla bħala għamara tiegħek, hemm ebda deni ma jiġrilek, lanqas ebda ħsara ma tersaq lejn għamartek. Għax hu jqabbad l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebek, biex iħarsuk fit-triqat kollha tiegħek. Huma jerfgħuk fuq idejhom li ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla” (Salmi 91:7-12).

Min iħobb it-tjieba jospita l-anġli, jaħji lill-bnedmin u jgħammar riverenzjalment m’Alla tiegħu. Ruħu, li tafda u tistrieħ fih, bħal ferħ t’għasfur fil-bejta, eventwalment tissaħħaħ, issir setgħana u tvilji bħall-ajkla fis-smewwiet. Mat-tjieba jingħaqad kull tip ta’ dehen, għax it-tjieba hi l-premju tagħha nfisha; Alla jinkurunaha, għax hi ħidmietu fina, il-qawwa tiegħu f’ġarar fuħħarin. 

Għaldaqstant it-tajbin huma l-għożża speċjali tiegħu, u jinsabu taħt il-ħarsien permanenti tiegħu. Avolja jsofru, iġarrbu kollox billi jafdaw fil-benevolenza t’Alla lejhom. 

Hawnhekk irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn: jista’ jagħti l-każ li, bi ħsibijietna mgħollija ’l fuq, tant nokkupaw lilna nfusna filli nkunu anġli twajba, illi ninsew inkunu nisa u rġiel twajba ma’ xulxin, u speċjalment ma’ dawk li qed jokorbu għal niskata tjieba mingħand il-flien. It-tjieba, idealment, għandha tibqa’ b’saqajha jmissu mal-art, u b’idejha tnewwel il-barkiet tas-sema lill-poveri fuq l-art. 

Il-lussu li tagħmel it-tjieba jisboq kull tgawdija personali oħra. Il-virtù u l-kuntentizza huma missier u bint. Il-flus u l-kuntentizza għandhom fama li huma msieħba soċjali tal-prima klassi; fir-realtà, jekk ikollok tosserva kif jinġiebu flimkien, sikwit jagħtu s-salt lil xulxin u joqtlu ’l xulxin. Għax bil-flus tista’ faċilment tixtri kelb eċċellenti, imma l-imħabba biss tħajru jferfer denbu.

Talba: “Missieri fis-smewwiet, fik u miegħek hemm kull għerf u sapjenza. Agħtini d-dixxerniment sabiex nagħżel il-ħwejjeġ eċċellenti u nsus warajhom, bla ma nintilef fi proġetti li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunu jsarrfu xejn għall-eternità. Żommli qalbi u moħħi kkonċentrati fik, feliċi fil-preżenza tiegħek, f’isem Kristu Ibnek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...