Skip to main content

Il-Prova

“F’dan teżultaw bil-kif, avolja għal ftit ħin bħalissa, jekk jeħtieġ, qed titnikktu b’tiġrib varju, sabiex l-ipprovar tal-fidi tagħkom – iżjed prezzjuża mid-deheb, li jinqered allavolja hu ttestjat bin-nar – tinstab ġenwina u tirriżulta għat-tifħir, il-glorja u l-unur fir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Għalkemm ma rajtuhx, tħobbuh; u għalkemm bħalissa ma tarawhx, temmnu fih u teżultaw b’ferħ inesprimibbli u glorjuż, filwaqt li tottienu r-riżultat tal-fidi, is-salvazzjoni t’erwieħkom” (1 Pietru 1:6-9).

L-oriġni u l-għan primarju tal-ħajja soċjali huma l-konservazzjoni, l-iżvilupp u l-perfezzjoni tal-enti uman, biex ma’ sħabu u mingħandhom isib l-għajnuna biex jirrealizza b’akkuratezza d-domandi u l-valuri tal-fidi u l-kultura stabbiliti mill-Kreatur għal kull individwu u kull komunità. Is-soċjetà hi mibnija fuq l-afdar, u l-afdar fuq il-konfidenza fl-integrità ta’ ħaddieħor.

Għaldaqstant, mhux l-edukazzjoni, mhux il-politika, mhux l-ekonomija, hija r-rimedju għad-dinja, iżda l-formazzjoni ta’ karattru san li jservi ta’ partiketta u sies għal kulma jsir taħt ix-xemx. Nemmen li t-tama ewlenija tas-soċjetà tagħna hi l-karattru individwali, karattru li jibda jiġi mibni b’konverżjoni ġenwina u jibqa’ jimmiljora ruħu, għax il-karattru ma jiġix ippakkjat u lest, kemm tadottah istantanjament, imma hu maħluq farka farka, jum wara jum, sikwit b’mod imperċettibbli. 

Fl-aħħar analiżi tiegħu, il-karattru hu biss il-konswetudini kontinwata fit-tul, li taqbel mal-umanità tagħna. Hu prodott fil-manifattura tremenda tad-dmir kwotidjan. Wettaq il-vokazzjoni tiegħek, u tkun qed issaħħaħ il-karattru, il-marka indelibbli x’int u x’m’intix, għaliex huwa evidenti li d-dinja tagħna hi ħanut tal-ħaddied, u kull wieħed minna hu inkwina jew inkella mazza. 

Kulma jien fil-privat ma jistax jibqa’ mistur fit-tul. Jekk naġixxi żmerċ mill-bieb ’il ġewwa ma nippretendix li se nkun aħjar fil-komportament pubbliku. Għall-apparenza, jista’ jkun nilgħabha taċ-ċivili u manjeruż, imma essenzjalment għadni l-istess. Jekk naqa’ fil-baxxezzi taħt is-saqaf tiegħi, m’inix se noħroġ bl-unuri fil-misraħ. 

Jekk niċċaħħad mill-assi u l-beni tiegħi, ma jkun intilef virtwalment xejn. Jekk nherri saħħti, inkun tlift xi ħaġa. Jekk ngħarraq il-karattru, inkun tlift kollox. Il-karattru jagħmilni onorabbli. Jekk naħdem il-parti tiegħi sewwa, hemm hu l-unur tiegħi. Avolja tkun parti modesta, m’għandix mniex nistħi. Kull min iservi ’l Alla huwa onorabbli; l-iżgħar qaddej tiegħu hu stmat quddiemu aktar mill-kbarat dinjija. L-istat tal-qalb, l-atteġġjament tagħha lejn Alla, tifforma l-unur veru tagħna. Mingħajr l-opinjonijiet tan-nies dwarna ngħaddu faċilment. Meta jkun il-Mulej innifsu li jonorana, imbagħad ħa nkunu lesti biex nirċievu l-unur, imma mhux b’mod prematur. Qabel inkunu manifestati bħala wliedu, hemm il-prova. 

Talba: “Missier smewwieti, ma tagħmel xejn kapriċċjożament. Meta tipprovani noħroġ safi. Mingħajr prova ma nkunx naf xi nsarraf. Biss kun ħanin miegħi u weżinni tul il-prova biex la niddiżonora lilek, la lin-nies madwaru u lanqas inweġġa’ lili nnifsi, f’ġieħ Ibnek il-Maħbub. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...