Skip to main content

Ġudizzju Ċert

“Għax Kristu ma daħalx f’xi Qaddis tal-Qaddisin magħmul bl-id, li hu sempliċi kopja tal-veru, iżda daħal fis-sema nnifsu, biex issa jidher fl-preżenza t’Alla għalina; lanqas sabiex joffri sikwit lilu nnifsu, bħalma s-sommu saċerdot jidħol fil-Qaddis tal-Qaddisin kull sena b’demm ħaddieħor. Altrimenti, Kristu kien ikun jeħtieġlu jbati ripetutament mill-ħolqien tad-dinja. Imma issa hu mmanifestat darba fi tmiem iż-żminijiet għat-twarrib tad-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. Bħalma l-bnedmin huma destinati li jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, offrut darba ħalli jneħħi d-dnubiet ta’ ħafna, għad jidher għat-tieni darba, mhux biex jittratta mad-dnub, iżda għas-salvazzjoni ta’ dawk li qed jistennewh bil-ħeġġa.” (Ebrej 9:24-28).

Jum il-ġudizzju universali jista’ jkun remot; jum il-ġudizzju personali tiegħek hu viċin. Preċiżament kif tmut, hekk tinstab. Fl-istess kondizzjoni kif ruħek tħalli warajha lil ġismek, hekk ġismek jinstab minn ruħek. Impossibbli tgħaddi mis-sodda tal-mewt midneb, u tidher quddiem l-Imħallef bħala qaddis. F’mewtek u fl-Aħħar Jum se jkollok l-istess Imħallef, l-istess ġurija, l-istess xhieda, l-istess verdett. 

Taf kemm hi ħaġa ċerta li se tmut; kemm fadallek biex tmut, ma tafx. Tkejjilx ħajtek bl-itwal għomor, altrimenti tkun qed tneffaħ lilek innifsek b’tama falza. Ma tista’ ssemmi ebda persuna, lanqas moribond fl-estremità tiegħu, illi tista’ tkun żgur illi se jmut qablek. 

Il-ġudizzju hu ċert. “Dan jiġri fil-jum meta Alla jiġġudika s-sigrieti tal-bnedmin permezz ta’ Kristu Ġesù, skont kif jiddikjara l-evanġelju tiegħi” (Rumani 2:16). “Alla issa jikkmanda lill-bnedmin kollha kullimkien biex jindmu, għax iffissa jum li fih għandu jiġġudika d-dinja bil-ġustizzja, bil-bniedem li hu appunta. Ta’ dan forna prova ’l kulħadd billi qajmu mill-imwiet” (Atti 17:30-31). Is-Sid Ġesù annunzja: “Timmeraviljawx b’dan, għax ġej żmien li fih dawk kollha fl-oqbra għad jisimgħu leħnu u joħorġu – dawk li għamlu t-tajjeb għar-resurrezzjoni tal-ħajja, mentri dawk li pprattikaw il-ħażen għar-resurrezzjoni ta’ kundanna…Bħalma nisma’, niġġudika, u l-ġudizzju tiegħi hu ġust” (Ġwanni 5:28-30). Dikjarazzjonijiet simili huma mferrxa tul il-paġni tal-Iskrittura; ma nistgħux ninsew. 

Kulma wieħed jobżoq lejn is-smewwiet jaqa’ f’wiċċu stess. Hemm post fl-Infern għall-avukat rgħib, għan-negozjant ambizzjuż, għal sid il-kera bla klemenza, għar-rgħajja li ġeżżew il-merħla flok ħadu ħsiebha, għaż-żagħżugħ lixxiv, għall-ħalliel bla kuxjenza, għall-eżekuttiv governattiv li abbuża mill-awtorità tiegħu, iva, għal dawk kollha li jmutu fi dnubiethom. Imqar minn did-dinja jħossu t-turment għax jafu li ma jistgħux jaħarbu. Il-ħniena hi offruta lilhom, iżda jidhrilhom li huma awtosuffiċjenti. Allura, ladarba ma ridux ikunu maħsula, jisfaw mgħarrqa. 

L-Imħallef tal-art kollha ċertament jesegwixxi l-ħaqq fis-sewwa, u r-regola tapplika għal kulħadd. “Titqarrqux: ma nistgħux immasħru ’l Alla, għax kwalunkwe ħaġa li l-bniedem jiżra’, dik ukoll se jaħsad. Min jiżra’ biex jogħġob in-natura midinba tiegħu nnifsu, minn dik in-natura se jaħsad il-korruzzjoni; min jiżra’ għall-Ispirtu mill-Ispirtu se jaħsad il-ħajja eterna” (Galatin 6:7-8). 

Talba: “Mulej Ġesù, kull awtorità fis-sema u fl-art hi mogħtija lilek. Nirrikonoxxuk bħala Sultan suprem fuq l-univers, fuq l-umanità u partikolarment fuq il-knisja tiegħek. Inbaxxu rasna quddiemek; ninxteħtu għarkupptejna quddiemek, għax hu int waħdek li għandek is-setgħa tagħti l-ħajja eterna lil dawk kollha mogħtija lilek mill-Missier. Gvernana int, għax ir-rieda tiegħek hi l-ħakma tal-ġustizzja tiegħek, u l-ġustizzja hi l-ħakma tar-rieda tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issirilna t-tien

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis

Rebbieħa Ma' Kristu

“Madankollu għandi naqra ħwejjeġ kontra tiegħek: għandek hemmhekk nies li jżommu mat-tagħlim ta’ Balgħam, li għallem lil Balak biex jitfa’ ostaklu quddiem ulied Iżrael, ħalli jieklu ikel sagrifikat lill-idoli, u jiffornikaw. Hekk int għandek ukoll lil dawk li bl-istess mod iżommu mat-tagħlim tan-Nikolajtin. Indem mela! Altrimenti se niġi għandek malajr u nikkumbatti kontrihom bix-xabla ta’ fommi. Min għandu widna, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes. Lil min ivinċi nagħtih mill-manna l-moħbija. Nagħtih ukoll ġebla bajda, u fuq il-ġebla isem ġdid miktub li ħadd ma jafu ħlief min jirċeviha” (Rivelazzjoni 2:14-17). Qalb tiegħi, tqanqal biex tippersevera fit-taqbida qaddisa, għax il-premju tar-rebħa hu kbir. Illum nieklu mill-ikel smewwieti li jaqa’ madwar il-kampijiet tagħna, l-ikel li dejjem imantni ’ll-pellegrini fi triqthom lejn il-Kangħan. Iżda hemm merfugħ għalina fi Kristu Ġesù ikel spiritwali wisq ogħla, ikel li għalissa għadu moħbi mill-esperjenza tagħna. Fil-ġarra deh