Skip to main content

Tama Lil Hinn Mill-Qabar

“Mela tistħix tagħti x-xhieda tiegħek dwar Sidna, lanqas dwari l-priġunier tiegħu, iżda sofri miegħi għall-evanġelju skont is-setgħa t’Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux minħabba l-opri tagħna, iżda minħabba l-għan u l-grazzja tiegħu stess, mogħtija lilna fi Kristu Ġesù qabel il-bidu taż-żmien, imma issa rrivelata permezz tal-manifestazzjoni tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù, li abolixxa l-mewt u ġab il-ħajja u l-immortalità għad-dawl permezz tal-evanġelju” (2 Timotju 1:8-10).

Smajna dibattiti interminabbli dwar jekk ruħna hix immortali jew le, bħallikieku n-nies, minn kull epoka u ġens, kolti u barbari, ilsiera u nobbli, minn kull saff tas-soċjetà, ma jistgħux jirrikonċiljaw lilhom infushom għas-silenzju tal-qabar. Mhux wieħed jew tnejn huma ossessjonati dwar x’se jiġri minnhom la jagħlqu għajnejhom, x’vista se tiġi quddiemhom, u meta jinżlu fit-trab f’liema demanju se jkunu mgħollija. B’impenn dedikat bħal tal-Faragħunijet, li ġiegħlu jkunu mibnija l-piramidi bħala l-għamara tagħhom, dawn in-nies moderni għadhom ma jistgħux jemanċipaw lilhom infushom minn dil-manija jew fissazzjoni, il-faxxinu ta’ lil hin minna. L-umanità inġenerali, nistgħu ngħidu, tinqabad fuq sieq waħda u inevitabbilment turi kemm hi kommessa għa xi tip ta’ twemmin f’ħajja wara l-mewt fiżika. 

Forsi nistgħu nargumentaw illi d-diversità ta’ twemmin iwaqqa’ u jġib fix-xejn dit-tama, li mhi xejn aħjar minn ħolma puwerili. Ċiċerun jgħid illi jekk jien ninsab żbaljat fit-twemmin tiegħi illi l-erwieħ tal-bnedmin huma immortali, qed niżbalja feliċitament, u ma nixtieqx nitlef errur tant għaxxieqi. Hekk nintebħu li joħlom biss dak li mhux sodisfatt bir-realtà, u jinfexx jinbi l-gastellinarja bħala tpattija. 

Imma, ngħid jien, l-istess nuqqas ta’ sodisfazzjon bi kwalunkwe soluzzjoni oħra hi evidenza leqqiena tal-immortalità tagħna. Veru, il-velu tal-misterju għadu ma tneħħiex, u bħalissa naraw imċapjar; imma mhu xejn assurd jekk ninqabdu nħarsu ’l fuq lejn is-sħab u ngħidu li hemm realtà metafiżika lil hinn mill-fiżika. 

Fin-natura għandna wkoll lehmiet, indikazzjonijiet indiretti tat-tama quddiemna. Bħalma ż-żerriegħa tmut għal ġo ħajja ġdida, hekk ukoll il-bniedem. U bħalma x-xemx tegħreq fil-Punent, ikun biss il-preludju għall-preżentazzjoni ġdida tagħha l-jum ta’ wara. Il-ġisem hu manifestament trab; ir-ruħ hi l-blanzun li jinfetaħ fl-eternità. Imnissla minn fuq, ir-ruħ hi msejħa żżomm korsa smewwitija. Difatti, mimsusa bil-grazzja, tħobb tiftaħ ġwenħajha lil hinn mid-dinja. Nafferma li l-għaref ma jistax isib sodisfazzjon fi ħwejjeġ għaddiena, u lanqas ma jislef qalbu lil xi ħaġa li tiddependi fuq iż-żmien. 

Imma l-prova inkonfutabbli tahielna s-Sid li hu nnifsu sawwarna b’dan l-għatx għall-eternità, u tefa’ f’ruħna stess il-ħsieb tagħha jtektek fina. Hu dikjarat li b’mewtu u bir-reżurezzjoni tiegħu qered il-mewt u dawwal il-ħajja u l-immortalità permezz tal-bxara t-tajba dwaru nnifsu. Allura “meta dal-korruttibbli jkun tlibbes l-inkorruttibilità, u dal-mortali jkun tlibbes l-immortalità, imbagħad tkun avveriet ruħha l-kelma l-miktuba: ‘Il-mewt inbelgħet fil-vittorja.’ ‘Ja mewt, fejn hi l-vittorja tiegħek? Ja mewt, fejn hi n-niggieża tiegħek?’” (1 Korintin 15:54-55).

It-twemmin li m’aħna ħa mmutu qatt hu l-pedament ta’ għixien meqjus u dehni, imbottat mill-imħabba. Għax hemm differenza bejn tkompli teżisti u tkompli tgħix. 

Talba: “Sidna Ġesù, bir-resurrezzjoni tiegħek kif ukoll b’tagħlimek urejtna kif ’l hinn minn dal-wied ta’ dmugħ hemm ħajja tistenniena. Ma titkejjilx bis-snin u s-sekli; hi l-milja tal-imħabba. Għax għad tiġborna f’darek, u allura lilek infaħħru, għax int turina l-mogħdija tal-ħajja; quddiemek hemm il-milja tal-ferħ. Fuq lemintek hemm għaxqa dejjema. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...