Skip to main content

L-Injoranza

“Għax imxennaq biex narakom, sabiex naqsam xi don spiritwali magħkom ħalli tkunu ssodati – voldiri, ħalli nkunu inkuraġġiti reċiprokament sakemm indum fostkom, permezz tal-fidi ta’ xulxin, kemm tagħkom kif ukoll tiegħi. Irridkom tkunu tafu, l-aħwa, illi sikwit ippjanajt biex niġi għandkom (imma s’issa kont ipprojbit) sabiex nikseb xi frott fostkom ukoll, bħalma tabilħaqq ġara fost il-bqija tal-Ġentili. Jien obbligat kemm lejn il-Griegi kif ukoll lejn il-barbari, kemm lejn l-għorrief kif ukoll lejn l-injoranti. Hekk, sakemm jiġi minni, ninsab ħerqan biex nipprietka l-evanġelju lilkom ukoll li qegħdin f’Ruma” (Rumani 1:11-15). 

Is-sens ta’ meravilja fina hu missier ix-xjenza, mentri l-injoranza hi s-sliem tal-ħajja. Flimkien man-nuqqas ta’ kurżità, l-injoranza hi mħadda ratba li tistiednek tibqa’ titniegħes trankwill, għax min ma jaf xejn ma jiddubita xejn. F’ċerti komunitajiet rurali, maħkuma minn parrokkjaliżmu sfrenat, l-injoranza hi miżmuma fl-unur, u allura trid tkun iblah biex wieħed juri għerfu fosthom. Dawn jimxu fuq id-dettam illi kulma ma nafux ma jistax iweġġagħna. Ironikament, però, issib fosthom it-ton dommatiku, ispirat dejjem mill-injoranza profonda tagħhom. Attwalment l-injoranza qatt ma tissetilja kwistjoni, imma dawn diġà ssetiljaw kull kwistjoni.

Daqstant kolpevoli huma n-nies kburin bl-akkademja tagħhom; possibbilment din hi l-akbar speċi t’injoranza. Int min int għadek ma wasaltx, u l-gradwazzjoni tagħna mhix fuq din l-art; u allura mhuwiex qligħ żgħir meta nsiru konxji tal-injoranza tagħna nfusna. 

Il-karattru tal-injorant jingħaraf minn ċerti marki indelibbli: il-vanità, l-arroganza u l-kburija. Għall-injoranza invinċibbli m’hemmx fruntieri jew limiti; hi bħal-lejl universali li fih inqabad il-moħħ, bħall-għama inkurabbli.

In-nies frustieri għas-Sid Ġesù, id-dawl tad-dinja, diġà saritilhom id-dijanjosi tagħhom; jingħad li “għandhom moħħhom imdallam, u mbegħdin mill-ħajja t’Alla, minħabba l-injoranza li qiegħda fihom u l-ebusija ta’ qalbhom, u billi ma jħossux, ixxewlħu għat-tbaħrid, biex jagħmlu b’kilba kull faħx.” Hekk mela x-xitan jaf x’inhu jagħmel, għax jassalta ’ll-bniedem meta jsibu battal mit-tagħrif jew inkella mill-biża’ t’Alla. U daqshekk ieħor jaf x’għandu jagħmel il-ħaddiem għas-saltna t’Alla: ixandar il-vanġelu kemm lill-injorant kif ukoll lill-għaref, għax it-tnejn għandhom bżonnu urġentement. 

Talba: “Dewweb il-mistħija u r-riżerva fija, twajjeb Mulej. Tħallix it-timidità f’ruħi tkun xkiel hekk li neħel qisu f’gandott. Agħmel minni xandar fidil tal-evanġelju, għax f’dawlek biss naraw id-dawl. Ħa nistqarruk quddiem il-bnedmin ħalli int wkoll tistqarrna u tagħrafna quddiem Missierek fis-smewwiet. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...