Skip to main content

Separati Għal Sidna

“Imma meta dehret il-bontà u l-imħabba t’Alla s-Salvatur tagħna lejn il-bniedem, salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-miżerikordja tiegħu. Salvana bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, li sawwab fuqna ġenerożament permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, sabiex, iġġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja eterna. Affidabbli l-affermazzjoni. U rridek tenfasizza dwar dawn il-ħwejjeġ, sabiex dawk li emmnu f’Alla jieħdu ħsieb jingaġġaw fl-opri t-tajba. Dawn il-ħwejjeġ huma tajbin u siewja għall-bnedmin” (Titu 3:4-8).

Definittivament, mingħajr qdusija ħadd ma jara wiċċ Alla; imma biex wieħed jibda jitqaddes l-ewwel irid ikun ġustifikat bid-demm imxerred tal-Ħaruf li ngħata biex ineħħi d-dnub tad-dinja. 

Il-karattru Ċiniż għal “ġustizzja” hu mill-aktar interessanti. Hu attwalment kompost minn żewġ karattri separati – wieħed jissinifika “ħaruf,” u l-ieħor “jien.” Meta “ħaruf” hu mqiegħed direttament fuq “jien,” hu fformat karattru ġdid – “ġustizzja,” ossija, qagħda sewwa quddiem Alla. 

Din l-istampa tgħinna napprezzaw il-grazzja divina. Bejni, il-midneb kredenti, u Alla, il-Qaddis, indaħal il-Ħaruf t’Alla. Minħabba s-sagrifiċċju tiegħu, jien milqugħ permezz tal-fidi fih, u hekk magħdud bħala ġust quddiem l-Imħallef tas-sema u l-art.

Biex ningħataw merħba dejjiema quddiemu, l-opri tagħna huma irrelevanti. Luteru jgħid, “Min jixtieq jikseb qagħda aċċettabbli quddiem Alla bil-fidi u bl-opri tiegħu jixbah dak il-kelb għaddej max-xmara b’biċċa laħam f’ħalqu. Imqarraq bir-rifless tal-laħma fl-ilma, jiftaħ ħalqu biex jaħtaf il-laħma, u hekk jitlef kemm il-laħma kif ukoll ir-rifless.”

Alla jgħodd lill-fidil bħala ġust fuq il-merti esklussivi ta’ Ibnu. Immedjatament imbagħad jibda jittrasformah fix-xbieha ta’ Ibnu stess. Biex wieħed jottieni dil-barka tal-qdusija jrid jgħaddi minn proċess li jtul għomru kollu. Hi l-istink ta’ snin; ċertament mhijiex ħaġa istantanja. Il-qdusija ma tikkonsistix filli tagħmel ħwejjeġ mhux tas-soltu, imma li tagħmel il-ħwejjeġ kollha tas-soltu b’fervur mhux tas-soltu. B’fervur fuqek innifsek, għax ma tistax tgħin lil ħaddieħor lejn Sijon jekk int innifsek għadek izzappap. Difatti hemm xi ħaġa suspettuża, f’wieħed li jippretendiha bħala qaddis, illi hu mbottat kostantement b’xewqa bla sabar biex jirriforma lil ħaddieħor meta hu nnifsu kkakkma. 

Irrid ngħin lili nnifsi biex ngħin lil ħaddieħor, u ngħin lili nnifsi l-aħjar billi nittraduċi l-grazzja fija f’atteġġjament u azzjoni ta’ mħabba. Il-livell ta’ mħabba tiegħi lejn il-Missier, b’risponsorjal għal ħnientu lejja, hi indikata infallibbilment mill-grad ta’ ubbidjenza tiegħu għall-kmandamenti tiegħu. Daqshekk sempliċi, daqshekk profonda. 

Talba: “Ladarba tibda biex issalvana, Mulej Alla omnipotenti, issalvana kompletament. Int ma tabbandunax ħidmet idejk, u d-doni mogħtija minnek ma jittiħdux lura. Għaldaqstant nesprimu l-konfidenza tagħna fik: qaddisna għalik innifsek, biex inkunu dixxipli magħrufa tiegħek, karatterizzati mill-imħabba. F’isem Ibnek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...