Skip to main content

Kun Utli

“Tiġġudikawx, sabiex ma tkunux iġġudikati. Għax bl-istess mod kif tiġġudikaw se tkunu ġġudikati, u bil-kejl li tkejlu se jkun imkejjel lilkom. Għaliex tara l-iskalda f’għajn ħuk, imma ma tinnotax it-travu f’għajnek stess? Jew kif tista’ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek l-iskalda minn għajnek,’ meta travu jinsab f’għajnek stess? Ja ipokrita, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek stess, u mbagħad tara sew biex tneħħi l-iskalda minn għajn ħuk” (Mattew 7:1-5). 

Kif ġieli smajt l-Ingliżi jitkellmu, min jgħammar fis-serer m’għandux iwaddab ġebel, u lanqas m’għandek tipponta lejn iċ-ċappatini ta’ ħaddieħor b’subgħajk inkallat. Min m’għandux qalb biex jgħin lanqas għandu dritt jikkritika, imma fir-realtà tal-ħajja, imqar l-iljun ikolli jiddefendi lilu nnifsu kontra d-dubbien. 

Hawn nista’ ndeffes ħrafa mill-pinna t’Eżopu. Ġove, Nettunu u Minerva darba kellhom kompetizzjoni bejniethom biex jiddeterminaw min minnhom kellu ħila jagħmel l-aktar ħaġa perfetta fid-dinja. Ġove għamel bniedem, Minerva għamlet dar, u Nettunu għamel gendus. 

Momus – dan kien għadu mhux itturufnat minn Olimpu – inħatar biex jiġġudika liema mill-kreazzjonijiet kellha l-ikbar mertu. Beda billi sab difett fil-gendus għax qrunu ma kinux taħt għajnejh u għaldaqstant ma setax jara meta kien jirromba bihom. Għadda għal fuq il-bniedem, u lanqas għoġbu, għax ma kellux tieqa f’ħobbu biex il-ħsibijiet u s-sentimenti ġewwiena tiegħu jkunu jistgħu jidhru. Finalment, resaq fuq id-dar u wara li kemmex xofftejh qal illi lanqas ma fiha preġju, għax m’għandhiex roti biex fil-każ li l-abitanti tagħha jiddejqu mill-ġirien antipatiċi, ikunu jistgħu jallargaw. 

Wara li Momus ippronunzja l-ġudizzji kollha tiegħu, Ġove keċċa lill-kritiku mis-smewwiet. Qallu, “Min hu ffissat biex isib id-difetti qatt ma jista’ jogħġbu xejn. Imma almenu, tmaqdarx ix-xogħlijiet ta’ ħaddieħor qabel ma tkun ħloqt xi ħaġa sura int innifsek!”

Jekk ivvilifikaw lill-Qaddis t’Alla u ttimbrawh bħala indemonjat u miġnun, m’għandix għalfejn nieħu għalija. “Ftakru fil-kelma li jien għidtilkom: ‘Qaddej mhux ikbar minn sidu.’ Jekk lili ppersegwitawni, għad jippersegwitaw lilkom ukoll” (Ġwanni 15:20). 

Frattant aħna, jekk għandna f’moħħna ngħaddu ’l quddiem u ntejbu s-soċjetà tagħna, il-qadi ta’ dmirijietna jmissu dejjem ikun indipendenti mill-opinjoni pubblika. Jekk ma nadottawx dil-linja nibqgħu ma nwettqu xejn, għax jekk noqogħdu nistennew sakemm il-ħaġa nagħmluha perfetta hekk li ħadd ma jsibilha difett, nibqgħu ma nagħmluha qatt. 

Talba: “Ja Sidi, la nista’ nbagħbas u lanqas nilgħab bil-verità tiegħek. Fi ħwejjeġ essenzjali tal-verità, nitolbok biex tagħmilni kolonna bla ma nċedi; fi ħwejjeġ sekondarji agħtini illi nitkellem u nisma’, biex ngħallem u nitgħallem; fi ħwejjeġ ta’ konvinzjoni għallimni nkun tolleranti bla ma nagħmel ħaqq minn ħaddieħor. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...