Skip to main content

Qadi Fil-Belt

“Jiġri, jekk tisma’ bir-reqqa leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u tħares u tagħmel il-kmandamenti tiegħu li qiegħed nagħtik ilum, illi l-Mulej, Alla tiegħek, jgħollik fuq il-ġnus kollha tal-art. U jiġu dawn il-barkiet kollha fuqek u jilħquk, jekk tisma’ leħen il-Mulej, Alla tiegħek. Imbierek tkun fil-belt u mbierek tkun fir-raba’. Imbierek ikun frott ġufek u frott artek” (Dewteronomju 28:1-4).

Il-bliet huma mimlija nkwiet, għaġla u tfexfix; min ikollu x’jaqsam mal-ibliet spiss iħossu jinfena bir-ritmu mgħaġġel tagħhom. Il-belt tirbombja bil-ħsejjes, ġeġwiġija ta’ nies, pika ta’ negozji u taħbit bla hedu. It-tiġrib, it-telfiet u l-inkwiet tal-belt huma innumerabbli. Iżda jekk tgħix jew taħdem f’belt bil-barka divina fuqek, id-diffikultajiet jittaffew sħiħ. Meta tibqa’ fil-belt bl-istess barka t’Alla ssib gost fid-doveri tiegħek, u qawwa ugwali għad-domandi tagħha.

Barka fil-belt forsi ma tagħmilniex kbar, iżda żżommna fil-biża’ t’Alla. Abbli ma tagħmilniex sinjuri, iżda tippriżervana fl-onestà. Sew jekk aħna skrivani, diriġenti, nisa tad-dar, tobba, negozjanti, għalliema jew maġistrati, il-belt tifrex quddiemna opportunitajiet biex inkunu utli għall-Mulej. 

Tajjeb tistad fejn hemm kotra ta’ ħut; allura tajjeb titħallat ma’ folol ta’ nies, bit-tama li tirbaħ xi wħud għal Kristu. Forsi nippreferu ħajja kwieta fil-kampanja; jekk imsejħin naqduh fil-belt, din għandha tkun il-preferenza tagħna, għaliex hemmhekk hemm wisa’ biżżejjed għall-enerġija tagħna.

Ejjew nistennew ħwejjeġ tajba minħabba dil-wegħda. Ħalli noqogħdu attenti, b’widnejn miftuħa, biex nisimgħu leħen il-Mulej, u nkunu lesti nesegwixxu l-amar tiegħu. L-ubbidjenza tniżżel barka speċjali mis-sema. “Fiż-żamma tal-kmandamenti tiegħek hemm premju kbir” (Salmi 19:11).

Talba: “O Alla, grazzi talli żvelajt lilek innifsek lilna, midinbin imsejkna. Grazzi talli kkonvinċejtna kemm tabilħaqq messna nduru lejk b’urġenza, biex insibu ħniena. Grazzi talli tajtna l-liġi tiegħek, u l-Ispirtu tiegħek, biex bl-ubbidjenza tagħna nonorawk u nsebbħuk. Ħa tkun kelmtek illi taħjina, tirrestawrana, iddawwalna u tagħmilna tabilħaqq għorrief. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...