Skip to main content

Il-Battalja Hi Tal-Mulej

“Imbagħad qal David lill-Filisti: ‘Int ġej lejja b’sejf, b’lanza u ladbarda, iżda jien ġej lejk f’isem il-Mulej tal-eżerċti, Alla tal-eżerċti ta’ Iżrael, li int għajjart. Illum il-Mulej jerħik f’idejja, u nidorbok u nneħħi rasek minn fuqek, u l-iġsma tal-eżerċtu tal-Filistin illum nagħtihom lit-tjur tas-sema u lill-bhejjem tal-art, biex l-art kollha tkun taf li hemm Alla f’Iżrael. U dil-ġemgħa kollha tkun taf li mhux bis-sejf u l-lanza jeħles il-Mulej: għax tal-Mulej it-taqbida, u jerħikom f’idejna’” (1 Samwel 17:45-47).

Fuq dan m’hemmx x’niddibattu: il-battalja hi tal-Mulej. Nistgħu naċċertaw ruħna mill-vittorja, u vittorja tal-prima kwalità, li tesibixxi l-aħjar il-qawwa t’Alla. M’hemmx x’niddibattu. 

Frattant, b’sogħba jkollna nammettu li sikwit ninsew lil Alla. Jibqa’ l-fatt li aħna l-ġemgħa tal-poplu tiegħu. Meta titqanqal l-opportunità jmissna nuru lill-bnedmin li Alla, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox, kapaċi jwettaq l-għanijiet tiegħu mingħajr id-driegħ tal-laħam. Tkun okkażjoni tad-deheb li jmissna nużawha tajjeb. 

Anke aħna l-Kristjani, bħall-Iżraeliti fil-qedem, nafdaw wisq fis-sejf u l-lanza. Ħaġa grandjuża ma tara ebda xabla f’id David, u madankollu tkun taf li Alla ta’ David iħarbat armata sħiħa ta’ barranin.

Jekk tabilħaqq qed nikkontendu għall-verità u l-ġustizzja, ejjew ma nintelqux u ma nitnikkrux sakemm ikollna t-talent, rikkezzi jew kwalunkwe forma oħra ta’ qawwa viżibbli għad-dispożizzjoni tagħna. Anzi, immorru ħdejn in-nixxiegħa: biċ-ċagħaq li nsibu hemm u bl-istess wadab tas-soltu mmorru biex inħabbtuha mal-għadu tagħna. 

Kieku kienet il-battalja tagħna, forsi jkollna raġun ma nkunux konfidenti, iżda jekk qed nidhru għal Ġesù Kristu, u qed nitqabdu bil-qawwa tiegħu biss, min jista’ jieqaf quddiemna? Ejjew niffaċċjaw il-Filistin mingħajr traċċa ta’ eżitazzjoni. Il-Mulej tal-Eżerċti hu magħna; min allura jista’ jkun kontra tagħna?

Talba: “Matul is-sekli, o Mulej, urejt il-qawwa ta’ driegħek favur niesek. Ipproteġejthom u tajthom ir-rebħa. Tajtna prova biżżejjed illi int Alla l-ħaj, Alla tas-sewwa. Ħlift li twassal il-ġustizzja għall-vittorja. Inroddulek ħajr talli kkonvinċejtna illi l-vittorja diġà twettqet bis-salib u l-irxoxt ta’ Ibnek Ġesù. Żommna leali lejh, is-Sid tal-eżerċti tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...