Skip to main content

Il-Biża' tal-Mulej

“Il-proverbji ta’ Salamun, bin David, sultan ta’ Iżrael: biex il-bniedem jagħraf l-għerf u t-tagħlim, biex jifhem kliem ta’ dehen, biex jilqa’ tagħlim fuq l-għerf, fuq il-ħaqq, fuq is-sewwa, fuq l-onestà, biex jagħti l-għaqal lil min ma jafx, u liż-żgħażagħ tagħrif u dehen. L-għaref jisma’ u jżid fil-għerf tiegħu; ir-raġel intelliġenti jikseb pariri tajba; biex jifhem il-proverbji u t-tixbih, kliem l-għorrief, u t-taħdit mistur tagħhom. Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tat-tagħlim, iżda l-boloh jistmerru l-għerf u t-twiddib” (Proverbji 1:1-7).

Mill-affarijiet ta’ did-dinja, il-ħsieb tal-Kristjan matur jintrefa’ kontinwament għall-avvenimenti futuri, in-Novissmi: mewt, ġudizzju, Infern u Ġenna. Dil-fidi li tara fil-bogħod iżżommna milli nitilfu l-perspettiva fit-tbatijiet u l-provi t’issa. 

Fil-Ġenna l-indikazzjonijiet ċari huma li se jkun hemm gradijiet ta’ premji. Bħala nies konvertiti, dnubietna huma maħfura u qatt m’aħna se nsofru l-pwieni tal-Infern, madankollu xorta waħda se nieqfu quddiem Kristu f’Jum il-Ġudizzju, biex nirċievu premijiet skont ma nkunu għamilna matul ħajjitna. Dakinhar inkunu regalati b’kuruni jew inkella nġarrbu telf. Il-ħajja ta’ kulħadd se tkun evalwata: it-tajjeb premjat u l-ħażen żvelat u kkundannat. 

Quddiem din il-prospettiva, Pawlu jirraġuna li, billi Alla hu tal-biża’, irridu nipperswadu lill-mitlufa biex jitilqu l-mogħdijiet midinba u jduru lejh, issa li għadu jissejjaħ il-jum. “Għax aħna lkoll jeħtieġ nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, sabiex kull wieħed jirċievi l-kumpensa għall-ħwejjeġ magħmula fil-ġisem, skont il-ħwejjeġ li jkun ipprattika, sew jekk tajjeb inkella ħażin. Mela billi nafu l-biża’ tas-Sid, nipprovaw nipperswadu lill-bnedmin” (2 Korintin 5:10-11).

Huwa lok ukoll li nwissu lil xulxin, bħala wlied Alla, biex ma nirrendux il-grazzja ineffettiva fina. “Billi nikkollaboraw m’Alla, neżortawkom biex ma tirċevux il-grazzja t’Alla fil-batal” (2 Korintin 6:1). 

Dan il-ministeru għandu jkun motivat, imqanqal u mwettaq fil-biża’ tal-Mulej. Dat-tip ta’ biża’ mhuwiex ekwivalenti għal terrur u waħx ta’ kundanna eterna, imma biża’ u timenza sana u riverenti lejn Kristu, billi nafu li ma jiħux pjaċir bl-għażliet zopop li nagħmlu sakemm għadna fil-ġisem. Il-biża’ tal-Mulej huwa virtwalment sinonimu mar-reliġjon vera. Il-biża’ u l-għarfien tiegħu jimxu id f’id. 

Talba: “Missierna, nosservaw kif il-ħmar jagħraf lil sidu, u t-tjur tal-passa jafu l-passaġġ tagħhom, avolja ħadd m’għallimhom. Kemm aktar aħna, bnedmin raġunevoli, messna nirrispondu għar-rivelazzjoni speċjali illi wassaltilna! F’wiċċ Ibnek Ġesù tajtna t-tagħrif salviviku tiegħek; tħalliniex, mela, inkunu kajmana jew letarġiċi fir-rispons tagħna. O li kellna nfaħħruk u nobduk, mhux b’mod erratiku, iżda regolarment u bil-ferħ, kif jagħmlu l-anġli fis-smewwiet!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...