Skip to main content

Satana Taħt Alla

“Reġa’ kien hemm jum meta wlied Alla ġew jidhru quddiem il-Mulej, u Satana ġie wkoll fosthom biex jidher quddiem il-Mulej. U l-Mulej qal lil Satana, ‘Mnejn ġej?’ u Satana wieġeb lill-Mulej, u qal, ‘Minn dawra mad-dinja, u mixja ’l hawn u ’l hinn.’ U l-Mulej qal lil Satana: ‘Qgħadt taħseb xejn fuq il-qaddej tiegħi Ġobb? Ma hawnx bħalu fuq l-art, raġel perfett u rett, wieħed li jibża’ minn Alla, u jaħrab il-ħażen? Għadu jżomm sħiħ fl-integrità tiegħu, għalkemm inti xewwixtni għalih, biex neqirdu għalxejn’” (Ġobb 2:1-3).

Iċ-ċawl jgħajjat u jferfer ġwenħajh fuq it-taħsir, u jiġġieled fil-lussu fuq il-karkassi tal-mejtin. Hekk Satana wkoll jissodisfa l-aptit infernali tiegħu fuq l-erwieħ korrotti u mejta tal-umanità. 

Satana wiegħer, imma għandu l-limiti tiegħu. L-ewwel nett hu mrażżan min-natura tiegħu stess, għax mhux kapaċi jagħmel kwalunkwe ħaġa li d-dispożizzjoni naturali tiegħu ma tippermettilux. It-tieni limitu hija r-rieda t’Alla s-Suprem; impossibbli jagħmel xi ħaġa kontra l-volontà t’Alla. Għandu ċerta setgħa, iżda b’ebda mod mhi qawwija jew kbira jew wiesa’ daqs t’Alla. 

Il-fidi tal-Kristjan mhijiex duwalistika. Il-poter f’idejn ix-xitan hu infinitament inqas mill-qawwa t’Alla. M’hemm ebda paragun bejn l-infinit u l-finit, bejn il-Ħallieq u s-sempliċi ħlejqa. Jekk inqabblu setgħet ix-xitan ma’ tal-anġli magħżula, hi inqas minn ta’ xi wħud u akbar minn ta’ oħrajn. Jekk nikkomparawha mas-setgħa umana, hi ikbar b’kull mod. Frattant jeħtiġilna nkunu nafu illi qawwa finita u naturali mhijiex soprannaturali, altrimenti ħadd ma jikseb il-glorja tal-Ġenna. Hu potenti, mhux omnipotenti. 

Ħa nibqgħu viġilanti, mingħajr ma nintreħew. Il-qlub korrotti tagħna huma virtwalment fabbriki għall-ħażen. Mingħajr il-preżenza tax-xitan xorta waħda joperaw għall-għajb u l-infamja tagħna nfusna. Il-vizzju, meta jħaxxen, jipproduċi kull tip ta’ inikwità u ħażen, anke kieku x-xtabi tal-Infern ikunu mbarrati għal xi żmien. L-agħar għadu tiegħi hu jien innifsi, u apparti mill-grazzja nibqa’ fertili fid-dnub. 

Is-Sultan Canute wiegħed lil min jirnexxilu joqtol lis-Sultan Edmund, ir-rival tiegħu, iqiegħdu fl-ogħla post fl-Ingilterra. Meta resaq wieħed fuqu u informah li obda l-amar tiegħu, Canute ħareġ l-ordni biex jgħallquh fuq l-ogħla torri f’Londra. Hekk il-Giddieb sa mill-qedem iwiegħed ħwejjeġ kbar lin-nies huma u jagħlfu l-passjonijiet tagħhom infushom, biex fl-aħħar jarmihom. Il-kuruna mwiegħda tinkixef bħala ngassa tat-tgħalliq, il-kumdità mwiegħda turment, l-unur imwiegħed xejn ħlief għajb, il-konsolazzjoni mwiegħda tinqaleb f’deżolazzjoni, u l-utopja li biha jħallimhom fir-realtà tkun l-Infern.

Talba: “Nirrealizzaw, Missier, illi għandna għadu ġewwa s-swar, u għadu barra. Ma nistgħux nafdaw lilna nfusna u lanqas nemmnu l-promessi tas-serpent l-antik, li offra lill-ewwel ġenituri promozzjoni għall-grad ta’ allat, meta difatti, xħin sarrfu l-wegħda tiegħu, sabu li saru ftit aħjar minn bhejjem. Tħalliniex nixxebilku fl-istess gidba antika. Int il-Mulej, Alla tagħna, Ħallieq u Feddej tagħna! Ma rridux illi jkollna allat oħra ħliefek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...