Skip to main content

F'Dar il-Mulej

“Fraħt meta qaluli, ‘Ħa nidħlu f’dar il-Mulej.’ Riġlejna weqfin f’biebek, o Ġerusalemm. Ġerusalemm, mibnija bħala belt, magħquda ħaġa waħda. Hemm jitilgħu t-tribujiet, it-tribujiet tal-Mulej, bħala xhieda għal iżrael, biex ifaħħru isem il-Mulej. Għax hemm twaqqfu t-tronijiet għall-ħaqq, it-tronijiet tad-dar ta’ David. Itolbu għas-sliem ta’ Ġerusalemm! Ħa jkollhom ir-risq dawk kollha li jħobbuk” (Salmi 122:1-6).

X’ferħ hemm fija meta mmur f’dar il-Mulej? Insib gwida eċċellenti biex inġib ruħi linja waħda mal-volontà divina f’dal-qasam. X’tip ta’ ħeġġa u prontizza nuri fil-qima t’Alla, u x’inizjattiva nesprimi fl-atti ta’ devozzjoni? Dawn huma marki essenzjali ta’ tjieba ġenwina, milqugħa mill-Mulej. 

Il-lingwaġġ ta’ das-salm jjipponta lejn l-evanġelju fiż-żenit tiegħu. Ġerusalemm hi tip ta’ komunità tal-fidili, id-dar t’Alla, li jagħrfu lill-Mulej, għax is-salvazzjoni ġejja mingħand il-Lhud! Mingħandhom imbagħad infirxet mal-erbat irjieħ. Mela fis-salm ikkonsidrat hawn inkunu superfiċjali jekk nillimitaw Ġerusalemm għal Ġerusalemm littera. Hija tip ta’ ħwejjeġ tajba li kellhom jiġu fi Kristu. Ġerusalemm tirrappreżenta l-fidili kollha. Hija tip ta’ Ġerusalemm il-Ġdida, li Ġwanni ra nieżla mis-sema.

Luteru jafferma: “Ġerusalemm tagħna hija l-knisja, u t-tempju tagħna huwa Kristu. Kull fejn Kristu hu pritkat, u s-sagramenti amministrati kif jixraq, hemm ninsabu ċerti li Alla jgħammar. Hemm huwa t-tempju tagħna, it-tabernaklu tagħna, il-kerubin u l-arka tagħna, għax hemm Alla jinsab preżenti magħna bil-Kelma tiegħu.”

L-attitudni tagħna għall-opportunitajiet komunitarji ta’ qima għandha tkun distintivament, aktar minn kull ħaġa oħra, waħda ta’ ferħ. Il-kummentatur Henry jgħid: “Dawk li jifirhu f’Alla jifirħu f’sejħiet u opportunitajiet biex iservuh u jadurawh.” Din kienet il-marka tal-knisja mit-tqala (Luqa 24:50-53) u t-twelid tagħha; u hekk kompliet tavvanza. Fost il-kurżitajiet illum insibu nies riġenerati li jibżgħu jifirħu. Ħafna minna għandhom bixra marradija, u jippreferu jmaħħu milli jissaħħu fil-ferħ tal-Mulej, bħallikieku huwa obbligu sagru illi nkunu biċ-ċiera. 

Frattant il-ferħ hu l-legat tagħhom. Bħalma l-mifdija jifirħu bil-Feddej (Sofonija 3:14-15), hekk il-Feddej jifraħ bil-mifdija miksuba għalih innifsu (Sofonija 3:16-17).

Mhux biżżejjed inqimu ’l Alla fis-sigriet jew fil-familji tagħna. Il-ferħ tagħna jrid jgelgel u jiżbroffa pubblikament. Henry jżid: “Hija r-rieda t’Alla li nqimuh kunċert wieħed, li ħafna jingħaqdu flimkien biex jammirawh u jsebbħuh fl-ordinanzi pubbliċi,” ċoè, fit-talb, il-kant, l-ippritkar tal-Kelma u s-sagramenti.

Il-libertà ta’ assemblej pubbliċi għall-qima t’Alla tagħna huma ta’ importanza primarja. Jekk nittraskurawha nagħmlu dan għad-dannu tagħna. 

Talba: “O Alla, mindu ftaħt beraħ il-bieb tal-fidwa għall-ġnus, nagħrfu li l-qima la għada marbuta ma’ tempju materjali u lanqas identifikata ma’ post wieħed. X’barka tremenda ksibtilna illi fil-providenza tiegħek nistgħu niltaqgħu f’isem Ibnek biex nagħtuk qima pubblika. Nilqgħu dil-barka b’radd il-ħajr; għinna ma nittraskurawhiex, anzi nagħmlu l-aħjar użu minnha. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...