Skip to main content

Pjanijiet u Providenza

“Ħsibijiet il-ġusti huma sewwa, iżda l-pariri tal-ħżiena huma qerq. Il-Mulej jistkerrah il-ħsibijiet tal-ħżiena, iżda kliem il-ħlewwa huma safja. Erħi x-xogħol tiegħek fil-Mulej, u ħsibijietek iseħħu. Ħafna ħsibijiet hemm f’qalb il-bniedem; iżda hi l-fehma tal-Mulej li sseħħ. Il-ħsibijiet tal-ħabrieka jisfaw għall-ġid, iżda kull min hu mgħaġġel jaqa’ fil-faqar” (Proverbji 12:5; 15:26; 16:3; 19:21; 21:5).

Beecher jgħidilna, “Meta l-frotta tkun għadha ġandra, iz-zokk tagħha jkun għadu mqabbad sew mal-fergħa; iżda meta ssir, taqa’ mal-ewwel buffura. Hekk ukoll, żomm sħiħ mal-pjanijiet tiegħek fil-ħajja sakemm Alla jurik illi saru, jew kisbu l-għan tagħhom; u mbagħad itlaqhom – itlaqhom bla tmaqmiqa.”

Qis din id-differenza tremenda: il-ħsibijiet tagħna ħafna drabi huma fiergħa u ma jirrendu ebda frott, mentri l-għan etern t’Alla ma jinbidilx, kif iddikjara hu stess: “Ngħarraf it-tmiem mill-bidu, u minn żmien il-qedem ħwejjeġ li ma sarux: u ngħid: ‘Fehmti tibqa’, u nagħmel dak kollu li jogħġobni’” (Isaija 46:10).

Ħafna mill-pjanijiet li nagħmlu ma jirnexxux għaliex huma mfassla bid-dgħufija jew qerq. Wara li nkunu ddeċidejna xi rridu niksbu, imbagħad forsi nduru lejn il-Mulej u nitolbuh ibierek il-pjanijiet tagħna. Iżda dan il-metodu ma jaħdimx. Kemm ikun aħjar għalina kieku l-ewwel infittxu fehmet il-Mulej u nidderieġu lilna nfusna skont id-dawl li jagħtina. Mela ejjew noqogħdu b’seba’ għajnejn sabiex ma nirreżistux ir-rieda tiegħu murija fl-Iskrittura. Ma nafux x’għandu ppreparat għalina fil-futur, iżda nafu li fil-providenza tiegħu jagħtina dejjem ir-risq, għalkemm kultant jimxi magħna b’ċerta dixxiplina.

Fl-aħħar, però, it-tama tagħna f’Alla ma ġġegħilniex nistħu. Għal Alla kollox hu ċar, għalkemm għalina jkollna nittawlu lejh mis-sħab. Għal Alla m’hemmx konfużjoni: dak li ddetermina li jagħmel, se jagħmlu. Naqraw: “Id-deċiżjoni tiegħu hija waħda, u min jista’ jdawru? U dak li tixtieq ruħu, dak jagħmel” (Ġobb 23:13). 

Talba: “O Alla omnipotenti u mimli mħabba, hija bluha nipprovaw neħduha kontra tiegħek. Aħfrilna dan il-ġenn spiritwali. Fejjaqna int; ikkoreġi l-iżvijjaturi tagħna. Reġġagħna lejk, għax l-apostasija hi kerha u misħuta. Ma rridux nipprotestaw jew anke nilmentaw kontrik. Fehmtek lejna hi dejjem ħanina, immarkata bi mħabba u fedeltà.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...