“Għallimnni, o Mulej, it-triq tal-istatuti tiegħek, u jien nibqa’ fiha sal-aħħar. Agħtini d-dehen u jien inħares il-liġi tiegħek; iva, jien inħarisha b’qalbi kollha. Mexxini fil-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi. Mejjilli ’l qalbi lejn ix-xhidiet tiegħek, u mhux lejn ir-regħba. Tħallix għajnejja jħarsu lejn il-frugħa, u fit-triqat tiegħek agħtini l-ħajja. Żomm kelmtek mal-qaddej tiegħek, dak li jibża’ minnek” (Salmi 119: 33-38).
X’hena din meta d-dixxiplu jkun kapaċi, fis-sempliċità u s-sinċerità skont it-tjieba, jappella, “Int sejjaħtli, o Alla!” Jaħwe, il-Jien Hu, l-Oriġinatur ta’ kulma jeżisti, li jiggverna fuq l-armati tal-anġli u fuq l-eżerċtu tas-smewwiet, jitbaxxa biex jgħarrfrilna lil ismu. Jittratta magħna bi grazzja, bla ma jimxi magħna skont ħtijietna. Jurina s-salvazzjoni tiegħu f’Ibnu u jagħmilna tempji fejn jgħammar l-Ispirtu Qaddis tiegħu!
Min huma r-riċevituri ta’ mħabbtu? Midinbin u għedewwa tiegħu! Ħlejjaq illi sabhom ribellużi u mxewxwa kontrih, li vilment jesprimu l-avversità tagħhom kontrih bl-opri ħżiena tagħhom. Inkredibbli, kieku mhux għall-fatt illi hekk, proprju hekk, naqraw fil-Kelma profetika.
Allura r-ruħ, mimsusa b’imħabbet Alla, miġbuda bil-ħbula tal-fedeltà tiegħu, tgħolli leħen ta’ qima u talb: “Nisma’ leħnek, o Alla tiegħi, issa jien imxennaq għalik, qalbi tirrumina fuqek bi pjaċir u għaxqa. Insib fija ġuħ u għatx għall-ġustizzja, u dan ħadd u xejn ma jissodisfa ħliefek. Nagħli kull meta noffendik. Ngħix tabilħaqq meta mħabbtek u l-preżenza tiegħek idawruni. Ninsab ikkonċernat illi ma ngawdihomx iżjed u iżjed. Tagħtini kelma soda illi ma tmurx lura mill-patt tiegħek, stabbilit u ratifikat fid-demm ta’ Ibnek il-Maħbub. Din hi l-Ġenna hawn isfel.”
Il-Kristjan allura jitma’ lil ruħu bil-Kelma tal-verità. Hekk iseddaq id-desiderji tiegħu għal Ġesù, f’komunjoni dejjem aktar matura u sħiħa. Iħares lejh bħala l-bidu u t-tmiem tal-eżistenza kollha tiegħu. Porgressivament ruħu titmewwet għall-ħajja tas-sens u l-passjoni. Tissielet kontra kull intrużjoni ta’ dnub. Tinviġila kontra n-nasbiet u t-trappoli mifruxa mat-triq. Tgħasses kontra t-tnassis tax-xitan.
Talba: “Nirrealizza, Mulej, kemm jien tassew hieni! Kelmtek tgħammar fija, u nixtieq illi tikber u tagħnini progressivament fil-għerf u l-konsagrazzjoni tiegħi lejk. Int beriktni lil hinn minn kull fehma, għax jogħġbok tgħammar f’qalbi bl-Ispirtu tiegħek. Agħmel illi kif nistqarr l-evanġelju tiegħek, bi kliemi u għemili, int tkun manjifikat bil-personalità kollha tiegħi. Nitolbok dan f’isem Ġesù.”
Comments