Skip to main content

Rabja bla Rażan

“Smajtu illi ngħad lill-antiki, ‘Tikkommettix omiċidju,’ u ‘Kull min jikkommetti omiċidju jkun ħaqqu l-ġudizzju.’ Imma jien ngħidilkom, kull min jirrabja ma’ ħuh ikun ħaqqu l-ġudizzju. Jerġa’, kull min jgħid lil ħuh, ‘Raka,’ ikun suġġett għas-Sinedriju; u kull min jgħid, ‘Ja iblah!’ ikun ħaqqu jmur fl-Infern tan-nar” (Mattew 5:21-22).

Ġesù jgħallimna li r-rabja tiddiżonora ’l Alla u tipperikola lil ruħna meta tivventila lilha nfisha f’lingwaġġ ta’ tgħajjir, kliem baxx u irreverenti, jew diskors li jħalli ġrieħi f’qalb min jisimgħu. Meta tisplodi, bħal Vessuvju, aktar se tagħmel ħsara milli ġid. F’dal-każ l-enerġija hi moħlija: hija wżata biex tkisser u ddamdam lil ħaddieħor, flok biex tibnih u ssaħħu. 

Ir-rabja tnikket lill-Ispirtu s-Santu meta tibqa’ mistura fi ħsibijietna, u allura tibda tagħlef element ta’ mibegħda lejn il-proxxmu, jew saħansitra lejn Alla! Din l-espressjoni tal-kollera tixbah lill-qanfud, li jimbaram fih innifsu bħala l-unika difiża tiegħu. L-internalizzazzjoni tar-rabja finalment tista’ tkun kaġun ta’ xi waħda tinqara u tinkiteb. Erodija, li “kellha fiha għal Ġwanni,” fl-aħħar mill-aħħar sabitlu tarfu. Min iżomm fil-komma jkun qed itaqqal lilu nnifsu, u ma jistax igawdi l-libertà. Qrusa, mrar, qalb risentita, huma lkoll tbegħrin bl-għatu fuqu. Xi darba se ttir u ttajjar salt nies magħha. Hawnhekk ukoll, l-enerġija hi mberbqa, użata biex żgur titqatta’ minn ġewwa. Issir irritabbli, ittensjonat, miżerabbli fik innifsek, tgħix f’kundizzjoni bla rikonċiljazzjoni. Tidher quddiem in-nies kollok gdiedem. 

Flok l-estremitajiet – tisplodi jew tiffriża – hemm espressjoni aċċettabbli tar-rabja. Mhux li tmur minn estrem għall-ieħor. Mhix soluzzjoni jekk bħalissa magħluq fik innifsek u allura tibda tesprimi qalbek kollha, lanqas viċe versa. Ir-rabja dejjem jeħtieġ tkun għomorha qasir, altrimenti tista’ faċilment tiffossilizza fina. F’dak il-perjodu ta’ rabja, ħa nkun ċert illi qed nirrabja minħabba l-ħażen u d-dnub; għal ebda raġuni oħra. Bir-rabja naffronta l-problema morali, mhux lit-tali jew talija. 

Talba: “Mulej, jekk jinqalgħu ċirkostanzi mwiegħra illi jirrekjiedu azzjoni drastika mingħandi, aċċerta illi nesprimi rabja mħaddma tajjeb. Ħa tkun dik ir-rabja rilaxxjata taħt kontroll strett, u mmirata biex ittertaq il-problema filwaqt li tedifika lill-proxxmu. Mhux biex nimbarazzahom jew inweġġagħhom, imma dejjem bil-għan li ngħinhom ħalli jiċċaqilqu fid-direzzjoni t-tajba.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...