Skip to main content

Il-Kisbiet tar-Riforma Protestanta

Il-poplu t’Alla matul il-ġenerazzjonijiet għandu ħabta jorqod jew jiżvijja, frattant l-Ispirtu s-Santu kapaċi jġeddu u jitfa’ nifs ta’ ħajja ġdida. Dan ġara mqar mill-antik fi żmien is-saltna ta’ Ħeżekija u Ġosija. It-tali riformi jmissna nagħrfuhom bħala sinjal tal-ħniena t’Alla, li ma jitlaqx lil niesu. Li ġara fis-seklu sittax, fi żmien Luteru, kien proprju riforma oħra, però did-darba fuq skala massiva.

Ħasra illi flok ma nagħrfu dan il-moviment bħalma tabilħaqq hu, ħidma tal-Ispirtu s-Santu, nittimbrawh bħala xiżma jew firda. Tabilħaqq, il-firda li ġrat f’nofs is-seklu 11, bejn il-Lvant u l-Punent, kienet waħda patetika, motivata mill-għira u pika bejn il-Griegi u l-Latini, mingħajr raġuni valida. Ir-Riforma Protestanta hemm elf raġuni għala seħħet, iżda prinċipalment ġrat għaliex Alla għoġbu jqajjem nies, fidili lejn l-Iskritturi Mqaddsa, illi xandruha fil-qawwa u s-safa tagħha, u fl-istess ħin protestaw kontra l-abbużi morali, iżda speċjalment dottrinali, tal-Knisja Rumana.

Kienet riforma, mhux ribelljoni. Il-kontinwità kienet priżervata, hekk illi r-Riformisti setgħu leġittimament jikklejmjaw illi dik li dehret bħala knisja ġdida kienet attwalment il-knisja qadima mnaddfa mill-offiżi, u kostitwita mill-ġdid skont in-normi bibliċi. Ovvjament, ir-riżultati tar-Riforma ma kinux għalkollox perfetti: indaħlu motivi oħra – politiċi, ekonomiċi, u l-bqija – u minħabba f’hekk nibtu l-konflitti u saħansitra gwerer. Frattant ir-Riformisti u sħabhom kienu nies ta’ sliem, li xandru l-verità kif inhi. Jiġifieri, għalkemm iddeffsu fatturi soċjali, politiċi, u intellettwali (frott ir-Rinaxximent), ir-Riforma nfisha kienet bażikament reliġjuża u teoloġika fl-oriġni u l-għan tagħha.

Fil-qalba tar-Riforma kien hemm erba’ kustjonijiet maġġuri: 1. Kif jista’ l-bniedem ikun salvat? 2. Fejn tinsab l-awtorità reliġjuża suprema? 3. X’inhi l-knisja? 4. U x’inhu l-essenza tal-għixien Kristjan?

It-tweġibiet kienu ċari u konvinċenti. Inkwantu awtorità spiritwali, saħqu illi l-Iskrittura Mqaddsa waħidha hi l-awtorità suprema biex insiru nafu x’imissna nemmnu u kif inġibu ruħna etikament. Fil-Medju Evu ġew introdotti tant dottrini u prattiċi li m’għandhom ebda worant għalihom mill-Iskrittura, hekk illi l-protesta kontrihom kienet ilha tinħass (u difatti nies bħal Wycliffe fis-seklu erbatax u Huss fis-seklu ħmistax semmgħu leħinhom kontrihom).

Abbażi tal-Iskrittura, ir-Riformisti għallmu illi s-salvazzjoni hi purament bil-grazzja t’Alla waħdu. Hi prova u turija tal-favur mhux mistħoqq t’Alla. Il-fidili huma meħlusa mill-kundanna bl-imħabba u l-ħniena pura t’Alla, mhux minħabba opri tajba jew sagramenti li jipprattika l-bniedem. Is-salvazzjoni hi maqlugħa għalina minn Kristu waħdu, li bih nirċievu maħfra kompluta u t-tama żgura tal-ġenna. L-istess salvazzjoni hi applikata lill-midneb bil-ħidma misterjuża tal-Ispirtu s-Santu, li jirriġenera skont l-għan sovran ta’ Alla l-Missier. Il-fidili jirċievu b’xejn, bla ma ħaqqhom, il-fidwa u rikonċiljazzjoni dejjiema m’Alla.

Ir-Riformisti taw prominenza lill-evanġelju, u wrew mill-Bibbja illi l-bniedem hu ġustifikat – dikjarat ġust u meħlus mill-kundanna – bil-fidi biss fi Kristu waħdu, u mhux bl-ubbidjenza tal-bniedem jew bl-għemejjel tajba tiegħu. Permezz tal-fiduċja tiegħu fi Kristu, l-uniku Medjatur, hu mlibbes bis-sewwa tas-Salvatur, maħfur kompletament, mogħti l-ħajja eterna, u adottat bħala iben fil-familja t’Alla. U dan kollu skont l-għan etern u infallibbli t’Alla, li ppredestina għadd ta’ nies għas-salvazzjoni, magħrufin għalih waħdu.

Il-salvazzjoni tinsab fi Kristu, mhux fil-knisja, mhux fis-sagramenti, mhux f’purgatorju noneżistenti, mhux fl-indulġenzi, mhux f’atti reliġjużi, mhux f’Marija. Ħadd ħliefu ma jsalva, u hu jsalva perfettament. Il-mewta sostituzzjonarja tiegħu fuq is-salib hi suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni tal-midneb.

Għaldaqstant is-salvazzjoni tagħna, u kwalunkwe ħaġa oħra, isseħħ għall-glorja t’Alla waħdu. Is-salvazzjoni hi mingħandu, maħduma minnu, Alla Trinità, u mogħtija lilna b’xejn biex ħadd ma jiftaħar, ħlief fih.

Dan kollu jqanqal lill-Kristjan, li tabilħaqq jemmen l-evanġelju u ħaddan lil Kristu bil-fidi, sabiex jgħix fil-preżenza tiegħu, taħt l-awtorità tiegħu, u għas-sebħ u t-tifħir tiegħu, żeluż biex josserva l-kmandamenti tiegħu, iħobb lil Alla u l-proxxmu, bħala ringrazzjament lil Alla għall-ħniena sovrana tiegħu murija lejh. U dan jagħmlu f’xirka ma’ Kristjani oħra, li flimkien jifformaw il-merħla ta’ Kristu, saċerdozju rjali u l-poplu miksub t’Alla, magħruf bħala l-knisja.

Dawn kienu essenzjalment ir-raġuni tar-Riforma Protestanta. Huma l-qofol tas-sejħa tar-Riformisti għall-Kristjaneżmu żvijjat ta’ żmienhom biex jirritorna b’kuraġġ u b’umiltà lejn it-tagħlim bibliku, li kien tant imwarrab. Jalla dan l-istejqien spiritwali, li għad għandu l-frott tiegħu sal-lum, jissokta jissaħħaħ u jkun ta’ barka għal ħafna erwieħ imtaqqla bid-dnub u l-ħtija, sabiex huma wkoll isibu s-serħan ta’ ruħhom fis-Sid Ġesù Kristu.

Għaldaqstant, filwaqt li nonoraw nies bħal Luteru u Melanchton, Kalvinu u Knox, bħala servi fidili t’Alla (bid-dgħufijiet umani tagħhom), nagħtu kreditu lill-Ispirtu s-Santu illi għoġbu jriegħed il-knisja minn għeruqha, u jġegħilha teżamina lilha nfisha. Il-Knisja Kattolika, avolja għadda nofs millenju mill-bidu tar-Riforma, għadha lura milli tħaddan l-evanġelju fis-safa u l-integrità tiegħu, mentri Evanġeliċi bħali m’għandhomx permess jorqdu, iżda rridu nkomplu, bl-imħabba u f’ġieħ il-verità, nissieltu għall-fidi mogħtija lill-qaddisin darba għal dejjem. Billi nidħlu fil-kurrent ekumeniku u popolari, ma nkunux fidili għas-sejħa tagħna.

Bil-patrimonju rikk li rċevejna, riżultat tar-Riforma, għandu jkun unur għalina l-Evanġeliċi llum illi nidentifikaw irwieħna ma’ dan l-ikbar stejqien spiritwali storiku, u ngħożżu dan il-laqam mogħti lilna bħala ‘Protestanti,’ filli bħal Sidna Ġesù aħna msejħin biex nipprotestaw kontra kull falsità fit-twemmin u l-etika, kif ukoll favur kulma hu bibliku.

Filwaqt li naffermaw l-imħabba sinċiera tagħna lejn il-poplu Malti, u l-Kattoliċi kulfejn jinsabu, u lejn il-bnedmin kollha, huma min huma, imsieħba f’liema reliġjon kwalunkwe, u naffermaw ir-rieda tajba tagħna lejn il-proxxmu, bi spirtu manswet u umli, fl-istess ħin l-iswed irridu nsejħulu iswed u l-abjad abjad, bla ma nċajpru l-fatti.

Għaldaqstant tkun ingratitudni lejn missirijietna fil-fidi, u ipokresija sfaċċata, jew inkella sempliċi injoranza, jekk naġixxu bħallikieku d-differenzi bejn il-Kattoliċeżmu u l-Protestanteżmu huma minuri jew bla konsegwenza serja, għax difatti l-Kattoliċeżmu jgħallem vanġelu ieħor li mhu vanġelu xejn, filwaqt li jippromwovi patafjun prattiċi bla awtorità biblika. U din kienet ir-raġuni għala r-Riformisti u sħabhom ma setgħux ikomplu f’identifikazzjoni mal-Knisja Rumana.

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...