Skip to main content

L-Għammiel u Jien

“Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ. Aktarx ibżgħu aktarx minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem fl-infern. Ewwilla żewġ għammiela ma jinbigħux assarju? Frattant wieħed minnhom ma jaqax mal-art mingħajr il-volontà ta’ Missierkom. Inkwantu intom, saħansitra xagħar raskom hu kollu magħdud. Għalhekk tibżgħux; intom tiswew iżjed minn ħafna għammiela” (Mattew 10:28-31). 

Il-providenza t’Alla sservi l-għan biex tagħti xhieda tiegħu fost il-pagani. L-interess, l-għożża u l-ħarsien patern tiegħu huma kollha sinjali illi jippontaw lejh innifsu. L-intenzjoni f’dit-testimonjanza, jekk xejn, hi biex il-bnedmin, huma min huma, ma jkollhomx skuża. Jilagħbuha taparsi ma jafux lil Alla; difatti jafu bih, imma jippreferu jaduraw u jservu allat oħra skont l-istħajjil u l-invenzjoni tagħhom. Alla l-veru hu qaddis wisq biex nidhru quddiemu maħmuġa bid-dnub; għaldaqstant in-nies taħarbu.

Aspett ieħor inkwantu l-providenza hu dan. Alla, li jagħti l-ħajja fiżika lill-bniedem, jippriżervah ukoll waqt li għadu fuq l-art. Mhux Alla tar-ruħ biss, imma tal-ġisem ukoll. L-Imgħallem ifakkar lid-dixxipli dwar ir-relazzjoni tagħna m’Alla, bħala ħlejjaq tiegħu, u kif il-Missier kapaċi jieħu ħsiebna, biex hekk ninħelsu mill-ansjetà dwar il-futur mondan tagħna. 

Ħlejjaq oħra, anke l-aktar sempliċi, bħalma huma l-għammiela u l-ġilji salvaġġi, huma mqiegħda f’rabta definita m’Alla. Jieħu ħsieb imantnihom billi jipprovdilhom ħtiġijiethom. Ħa jkollna, mela, kuraġġ quddiem is-saram maġġuri tal-ħajja, u sabar għall-inkonvenjenzi minuri. Meta nkunu temmejna d-dmir kwotidjan, nirtiraw għall-irqad fis-sliem. Alla jibqa’ mqajjem.

Xejn mhu diffiċli għal Alla, iżda ċertament se jindokra lill-bniedem aktar u aktar mill-annimali sempliċi. Lilu assenjalu post ogħla fil-ħolqien tiegħu. Għaldaqstant aħna nigglorifikaw il-Kreatur billi kuljum naċċettaw l-għotjiet tiegħu bi gratitudni, u nistabru bil-provi li wkoll jibgħatilna, għax Alla kapaċi jirregola r-riħ għall-ħaruf imġeżż. 

Wara d-dottrina tal-providenza nsibu l-libertà omnipotenti t’Alla, li biha jesprimu mħabbtu lejna. Ikollna nikkunfessaw, anke bil-ferħa, illi l-providenza nsibuha tajba u sapjenti, kemm f’dak li ningħataw u f’kulma niċċaħdu minnu. 

Talba: “X’faraġ insib fik, Missieri smewwieti, meta naf illi d-dinja u saħansitra ħajti mhumiex gvernati mill-koinċidenza, kombinazzjoni jew xorti għamja. Int trieġi kollox bl-id paterna tiegħek. Ladarba dan hu minnu, filli tippresiedi fuq l-andament kollu ta’ għomri, irrid nitbeżżel fl-ispiritwalità; ħalli nara l-glorja tiegħek mifruxa madwari. Seddaqni u agħtini suċċess, f’ġieħ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...