Skip to main content

Minn Dudu għal Farfett!

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu – tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja. Issaportu ’l xulxin u aħfru ’l xulxin, jekk xi ħadd għandu lment kontra ħaddieħor; bħalma appuntu ħafrilkom is-Sid, hekk ukoll agħmlu intom. U fuq dawn il-virtujiet kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-armonija perfetta” (Kolossin 3:8-14).

Il-karattru diffiċilment jinbidel, u bil-mod – iżda jinbidel, bil-perseveranza. Għax bħalma ħafna xita therri l-irħam, u ħafna rfis ta’ riġlejn jogħrof u jfannad iċ-ċanġatura, hekk il-vizzji jitmermru bl-applikazzjoni konsistenti tal-virtù. 

Il-virtù ma jaffettwak xejn jekk sempliċement issellimlu, u anke tmil quddiemu, u mbagħad tkompli fi triqtek. Hu bidu tajjeb meta tagħmel it-tjieba, imma wisq aħjar meta tħobb it-tjieba. Bl-istess mod, tevita d-dnub hi korsa sensibbli, imma wisq aktar nobbli huwa meta tħobb il-virtù, għax il-virtù hu dak il-ġid perfett li jikkomplementa l-ħajja hienja, l-unika ħaġa immortali li tappartieni għall-mortalità. Hija teżorerija ta’ tagħrif meta tifhem illi l-virtù waħdu jikkonduċi għall-kuntentizza, kemm hawn kif ukoll fid-dinja li għad trid tiġi.

Bla tlaqliq nammettu, illi l-perseveranza ma tiġix mill-ħila tagħna, frattant tiġi fil-ħila tagħna, skont il-ħidma misterjuża tal-Ispirtu s-Santu fina. Qajl qajl il-midneb li qed jafda fi Kristu jinbidel fix-xbieha tiegħu. It-trasformazzjoni hi meraviljuża. Minn dudu jsir farfett! Dan jgħodd ukoll għall-karriera tagħna. Xi trid tilħaq? Max-xewqa tiegħek ħallat id-dedikazzjoni, it-taħriġ u l-perseveranza.

Soċjetà missjonarja darba kitbet lil David Livingstone fiċ-ċentru tal-Afrika. Staqsietu: “Sibt xi triq tajba li tagħti għal fejn tinsab int? Jekk iva, lesti nibgħatulek xi rġiel oħra biex jagħtuk daqqa t’id.” Livingstone kiteb lura: “Jekk għandkom irġiel lesti jingħaqdu miegħi biss jekk ikunu jafu li hemm triq tajba, allura ma rridhomx. Irrid irġiel li lesti jiġu anke jekk m’hemmx triq.”

Talba: “Nammettu, Missier, illi fejn tidħol il-qdusija tagħna sikwit nippretendu li nsibu s-sodda mifruxa. M’aħniex lesti nxammru l-kmiem u naqbdu l-għodda. Aħfrilna dan l-għażż spiritwali; ikkoreġielna l-attitudni tagħna. Saħħaħna bl-Ispirtu tiegħek biex kuljum ninżgħu l-bniedem qadim u nilbsu l-ġdid; immewtu d-dnub fina filwaqt li nimmiraw lejn il-virtù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...