Skip to main content

Lejn il-Port

“Għax nafu illi jekk it-tinda terrena, li hi darna, hi żarmata, għandna bini mingħand Alla, dar mhix magħmula bl-idejn, eterna fis-smewwiet. Sadattant f’dit-tinda nokorbu, imxennqin biex nitlibbsu bl-abitazzjoni tagħna mis-sema, billi, meta nitlibbsu, ma nkunux misjubin għarwenin. Għax waqt li qegħdin f’dit-tinda, nokorbu għax aħna mtaqqlin, peress li ma nixtiqux ninżgħu, iżda nitlibbsu bl-għamara smewwitija, sabiex il-mortali jinbela’ mill-ħajja” (2 Korintin 5:1-4).

Il-Ġenna għal min jixtieqha. Min-natura tiegħu ħadd ma jixtieqha, għax hi l-għamara ta’ Alla mill-iktar qaddis. Allura l-Missier, b’operazzjoni ineffabbli u misterjuża, inisslilna fina x-xewqa għaliha. Jekk ma nkunux hekk kwalifikati, b’Ibnu l-passaport tagħna, ma ngawduhiex. Ħadd mhu eskluż minn saltnet is-smewwiet ħlief minħabba d-difett uman; imma huwa ħsieb konfortabbli ħafna meta nafu li fl-aħħar mill-aħħar did-dinja hi popolata biex il-Ġenna tkun popolata. 

Mhux biss fil-vjali u l-pjazez, imma anke fl-isqaqien u fl-imwarrab jintbagħtu l-messaġġiera bl-istedina. Meta nfaqqsu mill-qoxra ta’ dan l-għomor ristrett, u niksbu l-libertà sħiħa mħejjija għalina fl-eternità, u naraw il-vastezza tal-għanijiet divini, inkunu meraviljati kompletament bis-servizz mogħti lilna, li jkun il-premju għas-servizz magħmul hawnhekk. 

Henry Morrison, wara li serva erbgħin sena bħala missjonarju fl-Afrika, kien sejjer lura pajjiżu bil-vapur. Inzerta li fuq l-istess bastiment kien qed jivvjaġġa l-President Theodore Roosevelt. Kif daħlu l-port ta’ New York, taw salut impressjonanti u fanfara kbira għall-kap tal-istat Amerikan. “Merħba! Nilqgħuk lura d-dar,” qalulu l-uffiċjali u l-kbarat. Morrison deherlu li jmissu jirċievi huwa wkoll xi rikonoxximent għall-impenn tiegħu fil-vinja tas-Sid. Imma ma damx ma kellmu leħen kiebi ġewwa fih. Qallu, “Ibni, int għadek ma wasaltx id-dar!”

Talba: “Sakemm għandi l-abbiltà, Mulej, u sakemm kapaċi nħaddem ilsieni, qanqal fija dik il-mogħdrija lejn niesi stess biex nippontahom lejn l-għejjun ta’ ilma ġieri. Agħtini l-qlubija biex nurihom illi mingħajr il-medjazzjoni ta’ Ibnek Ġesù ħadd ma jiġi għandek u jkun milqugħ minnek. Grazzi talli tajthulna biex ikun il-garanti tagħna għall-ġenna tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...