Skip to main content

Nittajjar Bħall-Ajkla

“Jaqaw ma tafux? Jaqaw ma smajtx, li Alla etern, il-Mulej, il-Ħallieq ta’ truf l-art, la jinkedd u lanqas jgħejja? Għerfu ma jitfissirx. Jagħti s-saħħa lill-għajjien, u lil dawk li m’għandhomx saħħa jżidilhom il-qawwa. Jinkeddu wkoll it-tfal u jgħejjew, u jogħtru ż-żgħażagħ, u jaqgħu għalkollox. Iżda dawk li jittamaw fil-Mulej iġeddu saħħithom; jittajru bil-ġwienaħ bħall-ajkli. Jiġru u ma jgħejjewx; jimixu u ma jinkeddux” (Isaija 40:28-31).

Ja Kristjan, tikkonsultax ir-raġuni debboli u karnali tiegħek bħala finali; ogħla minnha int mogħti r-rivelazzjoni divina. Tikkonsidrax ġismek stess, għax hu mejjet minħabba d-dnub. Ftakar dejjem, però, illi l-ispirtu hu ħajja, minħabba l-ġustizzja mgħoddija fil-kont tiegħek, u minħabba li l-Ispirtu s-Santu qed jopera fik kulma jogħġob lil Alla. 

Għalkemm il-liġi hi dgħajfa minħabba l-inklinazzjoni tagħna lejn il-ħażen, frattant il-grazzja tirrenja fuq qalbna. Bl-evanġelju li ħaddanna ngawdu wegħdi tremendi biex jinkuraġġuna ħalli nimxu kuljum b’tama konfidenti. L-omnipotenza tal-Ispirtu qed taħdem fina wisq aktar milli nimmaġinaw (Filippin 2:12-13). Hekk inkunu kapaċi nibqgħu nterrqu bla ma nċedu. Tul il-korsa kollha Ġesù jibqa’ s-salvagwardja għal qalbna, biex isostnina u jqawwina. 

“La tibżax; biss emmen” (Mark 5:36). Ġesù, l-Ewwel u l-Aħħar, hu ikbar mill-għedwwa kollha miġmugħa flimkien. Isħaħ hu dak fina mill-potentati kollha tal-infern (cf., 1 Ġwanni 4:4). 

Ċertament m’intix se tkun diżappuntat; it-tama tiegħek hi infallibbli, għax mogħtija lilek mis-sema. Mela l-fidi tagħna hi miġbura f’Ġesù, u nafdaw fih kostantement. “Għandna dit-tama bħala ankra għar-ruħ, tama kemm sigura kif ukoll ferma, u li tidħol fin-naħa ġewwiena wara l-purtiera, fejn Ġesù daħal bħala prekursur għalina” (Ebrej 6:19-20). 

Talba: “Bik u miegħek, Mulej Ġesù Kristu, ruħi kapaċi togħla ’l fuq, tittajjar bi ġwienaħ bħall-ajkla. Kapaċi tilqa’ kull assalt. Lest ngħaddi minn kull tempesta feroċi. Żġurament nottieni l-port ta’ rpoż etern. Għinni nħaddem il-fidi biex nippossiedi l-wegħdi. Żommni sħiħ fit-tama, filwaqt li nistenna t-twettiq perfett tagħhom. Lilek, lilek biss nistenna, o Sidi; ġiddidni minn jum għal jum!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...