Skip to main content

Sliem Mingħand is-Sid

“Il-presbiteru lis-sinjura l-magħżula u lit-tfal tagħha, li jien inħobb fil-verità – u mhux jien biss, iżda wkoll dawk kollha li għarfu l-verità – minħabba l-verità li tgħammar fina u se tkun magħna għal dejjem: il-grazzja, il-ħniena u s-sliem ikunu magħna, mingħand Alla l-Missier u mingħand Ġesù Kristu, Iben il-Missier, fil-verità u l-imħabba” (2 Ġwanni 1-3).

Alla Trinità hu l-funtana perenni tas-sliem:

Il-Missier: “Issa Alla tas-sliem, li b’demm il-patt etern ġab lura mill-imwiet lil Sidna Ġesù, ir-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, ifornikom b’kull ħaġa tajba ħalli tagħmlu l-volontà tiegħu, u jaħdem fina dak li jogħġob f’għajnejh, permezz ta’ Ġesù Kristu, li lilu tkun il-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen” (Ebrej 13:19-20). 

L-Iben: “Għax tweldilna tifel; ingħatalna iben. U s-setgħa tkun fuq spallejh, u jissemma ismu Kunsilier tal-għaġeb, Alla qawwi, Missier għal dejjem, il-Prinċep tas-sliem” (Isaija 9:6). 

L-Ispirtu s-Santu: “Jien mela, il-priġunier għas-Sid, neżortakom ħalli timxu denjament tas-sejħa li biha kontu msejħin, b’kull umiltà u manswetudini, bil-paċenzja, tissaportu ’l xulxin fl-imħabba, tħabirku ħalli tippriżervaw l-unità tal-Ispirtu fir-rabta tas-sliem” (Efesin 4:1-3).

Is-sliem hu l-imħabba tirpoża. Hu l-imħabba fil-mergħat iħaddru; hu l-imħabba ħdejn l-ilmijiet serrieħa. Hu dik il-kalmezza li ddewwi l-kuxjenza meta tara r-riparazzjoni ta’ Kristu suffiċjenti, u s-Salvatur dispost tajjeb lejna. Hu r-ruħ li Kristu rrikonċilja, mifruxa fis-serenità u fidi sempliċi, u l-Mulej Alla, ħanin u grazzjuż, jitbissem fuqha. 

Ladarba ġejna introdotti f’patt m’Alla ħaj u veru, is-sliem hu wirtna. “Inħallilkom is-sliem,” jgħarrafna Sidna Ġesù, “nagħtikom is-sliem tiegħi. Mhux bħalma tagħti d-dinja nagħtikom jien. Tħallux qalbkom tkun iddisturbata, lanqas beżgħana” (Ġwanni 14:27). Imbagħad, meta aħna l-fidili mmutu, “nidħlu fis-sliem,” iżda waqt li għadna ħajjin, is-sliem jidħol fina, għalkemm mhux perfettament, għax il-programm divin għas-salvazzjoni ħolistika tagħna jieħu fit-tul, avolja qatt mhu fid-dubju. 

Petrarka qal: “Fina jabitaw ħames għedewwa kbar għall-paċi. Dawn huma: ir-rgħiba, l-ambizzjoni, il-ġelożija, il-korla u l-kburija. Malli nitturufnaw dawn l-avversarji tagħna, infallibbilment ingawdu sliem perpetwu.”

Appuntu, il-Kristjan iddikjara gwerra kontra kull manifestazzjoni midinba. Il-gwerra għadha għaddejja, għalkemm hu diġà ddikjarat “aktar minn konkwistatur.” Mela dawk li jfettlilhom jitmasħru bl-evanġelju u b’dawk li jħaddnuh, m’għandhomx għalfejn jidħqu meta jaraw lil ulied Alla mħabbtin u minn xi daqqiet mikdudin ukoll. 

Fl-iskola ta’ Ġesù nitgħallmu, imma mhux istantanjament. Is-sliem diġà depożitat fina, imma għadna ma drajniex nisfruttawh għall-konsolazzjoni tagħna. Biss ħaġa waħda ċerta: aktar ma nimxu pass pass ma’ Sidna, is-sliem joktor fina. “Inti żżommu fi sliem perfett lil min moħħu jistrieħ fik, għax jafda fik” (Isaija 26:3). Tħarsux, mela, kif jibda l-Kristjan, iżda kif jispiċċa.

Mill-banda l-oħra, is-sliem tal-infidili mhux talli hu fażull, iżda qed jiżloqilhom mument b’mument, u għad jitlaqhom bla tama tal-iċken faraġ. “‘M’hemmx sliem,’ jgħid il-Mulej, ‘għall-ħżiena’” (Isaija 48:22). 

Talba: “O Alla Trinità, għoġbok iddaħħalna f’patt tas-sliem miegħek. Grazzi talli ħadt l-inizjattiva favur tagħna biex issa li emminna l-bxara t-tajba mwassla lilna, miegħek ingawdu s-sliem. Bħala wliedek agħmilna dejjem fiduċjużi fik u ubbidjenti lejk biex qlubna u mħuħna jkunu mħarsin wkoll bis-sliem tiegħek li jissupera kull komprensjoni. Ammen.” 

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...