Skip to main content

L-Esibizzjoni Divina

“Hu l-immaġni t’Alla l-inviżibbli, il-primoġenitu fuq il-ħolqien kollu. Għax bih inħolqu l-ħwejjeġ kollha, fis-smewwiet u fuq l-art, il-viżibbli u l-inviżibbli, sew jekk huma tronijiet jew dominji jew ħakkiema jew awtoritajiet – il-ħwejjeġ kollha nħolqu permezz tiegħu u għalih. Hu qabel il-ħwejjeġ kollha, u l-ħwejjeġ kollha fih iżommu flimkien. U hu r-ras tal-ġisem, il-knisja; hu l-bidu, il-primoġenitu mill-imwiet, sabiex hu nnifsu jkun jipprimeġġja f’kollox” (Kolossin 1:15-18).

Hemm tliet fatturi fil-providenza divina: it-tagħrif minn qabel t’Alla, l-iddeterminar tiegħu, u l-fatt li Alla jidderieġi sal-iċken ħaġa fl-avvenimenti tal-providenza u lejn tmiemha. F’ċertu sens il-providenza hi l-perpetwità u l-kontinwazzjoni tal-ħolqien. 

Bi Kristu jżomm l-univers. Kull oġġett fin-natura għandu l-marka u s-siġill tiegħu. Kull ġurnata ttenni l-għeġubijiet tal-ħolqien. M’hemm ebda għodwa li fiha niftħu għajnejna illi matulha ma niltaqgħux ma’ xeni hekk impressjonanti u meraviljużi li laqgħu l-ħarsa affaxxinata ta’ Adam meta stebnaħ fl-eżistenza oriġinali tiegħu. Lanqas m’hemm oġġett, sew jekk hu ċagħqa jew perla, tfiefa jew kriżantemu, il-meded ta’ art fertili jew deżerti msaħħra, jew il-firmament interzjat bid-djamanti fuq rasna, ċentupied jew anġlu, qatra nida jew l-oċean potenti, tarbija tat-twelid jew eklissi solari, illi bih il-moħħ intelliġenti ma jirnexxilux jiddixxerni, u l-qalb devota tadura, il-providenza sapjenti u twajba tal-Iben li assuma n-natura tagħna biex jirriskatta r-ruħ imjassra tagħna. Jekk Alla mhuwiex fil-ħsibijiet tal-ħżiena, ċertament jinsab f’kull ħaġa oħra bla eċċezzjoni. 

Semmejt il-kwiekeb. O s-sensazzjoni tinħoloq fija kull meta narahom jgħamżuli, donnhom iridu jgħadduli messaġġ! Naqra fihom il-kodiċi ta’ providenza li tippervadi kollox. Fis-smewwiet notturn nilmaħ l-id mimduda t’Alla, avolja inviżibbli, u l-kwiekeb leqqiena l-ġojjelli li ferrex għall-ammirazzjoni tagħna. Kif jista’ jkun ma narawx illi dirgħajh iħaddnuna minn kull naħa? Tabilħaqq, ma nistgħu nirtiraw imkien fejn l-imħabba universali ma tiddix.

Talba: “Alla omnipotenti, f’idejk jinsab in-nifs ta’ kull maħluq; int tieħu ħsieb il-bhejjem u l-bnedmin. Xejn mhu eskluż mill-ħakma providenzjali tiegħek. Għaldaqstant aħna nfaħħruk u nbirkuk, Sultan smewwieti, għax fik ngħixu, nitħarrku u neżistu; aħna nislek. X’sigurtà għandna fik! Ħa nkunu umli u grati quddiemek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...