Skip to main content

Doni

“Issa intom il-ġisem ta’ Kristu, u individwalment membri tiegħu. U Alla appunta fil-knisja l-ewwel nett appostli, it-tieni profeti, it-tielet għalliema, imbagħad dawk li jwettqu setgħat mirakolużi, imbagħad dawk b’doni ta’ fejqan, dawk kapaċi jgħinu ’l ħaddieħor, dawk b’doni t’amministrazzjoni, u dawk li jitkellmu b’xorti differenti t’ilsna. Jaqaw kollha appostli? Kollha profeti? Kollha għalliema? Kollha jaħdmu setgħat mirakolużi? Kollha għandhom doni ta’ fejqan? Kollha jitkellmu bl-ilsna? Kollha jinterpretaw? Imma xxenqu bil-ħerqa għad-doni ikbar. Kieku nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli, imma m’għandix imħabba, inkun biss gong storbjuż jew ċimblu jżarżar” (1 Korintin 12:27-13:1).

Nitfa ubbidjenza evanġelika preferibbli mill-kapaċità li tkun tagħmel il-mirakli. L-iżgħar grazzja hi sigurtà aħjar għall-Ġenna mill-ikbar doni jew privileġġi kwalunkwe. Id-doni jew għotjiet jistgħu jkunu biss grazzji ‘mejta’; iżda l-grazzji huma għotjiet ħajjin. 

Bniedem donat hu bniedem kontabbli. Jista’ jkun indurat bit-talenti u abbiltajiet, frattant, jekk ma jkunx stabbilit bil-grazzja evanġelika fuq ġewwa, xorta waħda jista’ jispiċċa mormi fl-Infern, u jintilef għall-eternità. U jekk jiġri dan, xi traġedja! Għax aktar ma jkun kwalifikat bid-doni, aktar imbagħad jegħreq fl-abbissi. Jiġrilu l-istess bħal raġel imwaqqa’ fil-baħar: aktar ma jkun mgħobbi bl-injotti tad-deheb aktar jegħreq fil-pront. Hu u jegħreq, jekk isib iċ-ċans, jgħajjat l-ajjut u jgħid, “Eħilsuni minn dad-deheb, dat-toqol dehbi rrovinani!” 

Id-doni mhuma ebda garanzija għall-Ġenna. Kristu hu l-passaport; dawk biss li jirkbu miegħu jaslu. Sikwit id-doni, mogħtija minn Alla bi skop tajjeb, għall-edifikazzjoni tal-aħwa u l-miljorament tal-proxxmu, jisfaw abbużati. Il-pussessur tagħhom isir jafda fihom flok ma jwaħħal ħarstu fuq Ġesù li qabel tah id-doni jridu jafda fih u fir-riparazzjoni mwettqa minnu fuq il-Golgota. 

Id-doni spiss insibuhom jgħammru mad-dnub, għax meta jsiru eminenti, regolarment id-dnub narawh fl-axxendenza, jekk kemm-il darba Alla ma jiddomax il-kburija f’qalb il-bniedem, kif għamel ma’ Pawlu. Meta tellgħu fit-tielet sema, u tah soprabbondanza ta’ rivelazzjonijiet, fi ħnientu ħalla x-xitan iwaħħallu xewka f’ġismu. Hekk Pawlu baqa’ japprezza l-grazzja wisq wisq aktar mill-fatt li kien reċipjent ta’ rivelazzjoni divina. 

Talba: “Agħtina d-dehen, Missier smewwieti, biex niskopru liema doni tajtna għall-edifikazzjoni tal-knisja tiegħek. Bihom nixtiequ nagħtu aktarx milli nirċievu. Għinna nħaddmuhom regolarment bl-imħabba u rieda tajba lejn ħutna, bla ma nippretendu prosit mingħand ħadd ħliefek. Tħalliniex nitgħażżnu jew inkunu bierda fis-servizz tagħna, f’ġieħ is-Salvatur tagħna Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...