Skip to main content

Iċ-Ċaħda Tagħna Nfusna

“Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, ‘Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu u jerfa’ salibu u jsegwini. Għax kull min jixtieq isalva ħajtu jitlifha, imma kull min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha. Għax x’se jiswielu bniedem, jekk jiggwadanja d-dinja kollha, imma mbagħad jitlef ruħu? Jew x’se jagħti bniedem bħala skambju għal ruħu? Għax Bin il-Bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru mal-anġli tiegħu, u mbagħad ‘se jrodd lil kull wieħed skont għemilu’” (Mattew 16:24-27). 

Iċ-ċaħda tagħna nfusna hija ż-żamma lura milli tiggratifika xewqatek stess. Hija imperattiva għad-dixxiplu ta’ Kristu. Mhix ordni kapriċċjuża, biex tgħakkisna. Altru! 

Tirriżulta mir-rabta tagħna ma’ Kristu, li huwa l-mudell taċ-ċaħda, filli hu nnifsu tbattal u ħa fuqu s-sura ta’ qaddej. Kif għamel hu inevitabbilment jirrekjiedi minna: “nirrifjutaw kompletament lilna nfusna.” Fl-istess ħin nerfgħu s-salib, jiġifieri, nidentifikaw lilna nfusna miegħu, għax hekk attwalment aħna. Altrimenti l-professjoni tal-fidi tagħna tkun ħaqqha stmerrija.

Il-mewt tal-Feddej tagħna fuq is-salib hi effiċjenti u suffiċjenti għas-salvazzjoni tagħna. Is-salib, bl-istess mod, huwa s-sors tas-santifikazzjoni tagħna. Mela, “dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu n-natura midinba bix-xewqat u l-leblibiet tagħha” (Galatin 5:24). L-applikazzjoni prattika tal-identifikazzjoni fil-mewt tas-Salvatur hi l-mortifikazzjoni tal-membri tagħna, bil-qawwa tal-Ispirtu li jgħammar fina.

Sidna Ġesù aċċentwa dat-tagħlim grafikament. Iddikjara li rridu nieħdu azzjoni radikali meta u kull fejn mehtieġ. Il-kuraġġ hu assi importanti: għaldaqstant il-premji taċ-ċaħda tagħna nfusna huma enfasizzati. Biss meta nsofru t-telfa ta’ kollox inkunu rbaħna kollox, prinċipju ewlieni li Ġesù nnifsu għallmu espliċitament, fl-illustrazzjoni taż-żerriegħa li tmut biex tkun multiplikata. 

Talba: “Mulej, tħallinix niffissa fuqi nnifsi; aktarx nixtieqek tgħallimni nobgħod lil ħajti f’did-dinja sabiex inżommha għall-ħajja eterna. Għinni ngħix dan il-paradoss kuljum. Agħmilni bħall-ħabba tal-qamħ li tinxteħet fil-ħamrija u tmut, biex hekk tipproduċi qabda frott. Irrid sempliċement illi fejn tkun int hemm inkun jien ukoll, is-serv tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...